Bikkejtuna, daħħaqtuna u paxxejtuna, kienet biss waħda mir-reazzjonijiet tal-udjenza għad-dramm Meta Ġrejna Wara x-Xemx li bħalissa qed jittella’ fi Spazju Kreattiv fil-Belt. Id-dramm, miktub mill-attur u kittieb Clive Piscopo, għandu erba’ konklużjonijiet differenti. Piscopo, bħala kittieb, għażel li jħalli f’idejn id-destin liema konklużjoni se tintwera fuq il-palk fit-tali prestazzjoni.
Piscopo spjega: “Id-dramm jitkellem fuq il-ħajja tal-lum li hija mimlija inċertezzi. Is-soltu l-udjenza ma tkunx taf kif se jispiċċa. Fid-dramm lanqas l-atturi ma jkunu jafu x’se jiġri. L-erba’ konkluzjonijiet miktuba u ġew pruvati imma l-atturi jkunu jafu biss liem wieħed se jintwera ħames minuti qabel it-tmiem. Mill-esperjenza tal-aħħar prestazzjoni l-udjenza laqat il-mument li rrealizzat għalfejn intgħażel ċertu tmiem u mhux ieħor.”
Id-dramm se jlaqqagħna ma’ erba karattri differenti, li wara numru ta’ snin iddeċidew li jiltaqgħu mill-ġdid biex ifakkru l-memorja ta’ ħabib tagħhom li m’għadux magħna.
Staqsejna x’reazzjonijet kien hemm dwar il-famuża kwistjoni tal-erba’ konklużjonijiet differenti.
Piscopo sostna: “S’issa r-reazzjonijiet kienu pozittivi ferm u naħseb in-nies fehmu għalfejn irid ikun hemm konkluzjoni differenti kull darba. L-aħħar minuta tad-dramm tispjega ħafna affarijiet u l-erba’ konkluzjonijiet ġew iġġustifikati.”
Mument li spikka għal Piscopo kien meta numru ta’ atturi magħrufa li raw id-dramm kienu impressjonati bil-mod kif inhu miktub u kif ittella’
“Qaltli bikkejtuna, daħħaqtuna u paxxejtuna, u naħseb li bejn il-Ħamis u l-Ħadd in-nies se jaraw storja umana, u se tħalli n-nies jindunaw kemm it-teatru huwa għodda kbir”, tenna Piscopo.
Id-dramm jitkellem ukoll dwar kundizzjonijiet marbuta mas-saħħa mentali, li għalkemm uħud minnhom għadhom meqjus tabù, sabu vuċi fuq il-palk Malti.
“L-ammont ta’ nies li għanquna wara u qalulna ‘din hija l-ewwel darba li l-esperjenza tiegħi ġiet rapprezentata u ħassejtni normali, għaliex l-uġigħ tiegħi li ġarrejt fis-skit rajtu fuq il-palk’. Hija xi ħaġa verament sabiħa li turi lil dawn in-nies kemm huma importanti fis-soċjetà”, temm jgħid Piscopo.