Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista Cyrus Engerer ġie maħtur bħala n-negozjatur tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew fuq il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos fil-Kumitat għall-Ambjent u s-Saħħa Pubblika.
L-Ewroparlamentari Cyrus Engerer qal li pajjiżna kellu l-ogħla rata ta’ mard fl-Unjoni Ewropea kkawżat mill-asbestos. Huwa sostna li l-Gvern preżenti mhux biss kien fuq quddiem nett biex jara li jitneħħa l-asbestos minn fuq il-postijiet tax-xogħol, imma saħansitra qiegħed jikkumpensa lill-ħaddiema tat-tarzna li kienu fost l-iktar affettwati f’pajjiżna.
Ir-rapport li qiegħed jiġi diskuss fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali se jkun fih l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent u s-Saħħa Pubblika fejn Engerer ingħata r-responsabilità biex imexxi ‘l quddiem il-ħsibijiet u jinnegozja f’isem is-Soċjalisti dan ir-rapport.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Engerer sostna li l-asbestos fuq il-postijiet tax-xogħol ma kienx biss realtà ta’ pajjiżna, iżda realtà li esperjenzaw numru ta’ ħaddiema madwar l-Unjoni Ewropea. Huwa tenna li għad hawn numru ta’ postijiet tax-xogħol fejn dan il-materjal għadu preżenti.
Għalhekk, Engerger saħaq fuq l-importanza li l-ħaddiema kollha jiġu protetti mill-impatt ta’ dan il-materjal perikoluż fuq is-saħħa tal-bniedem.
Huwa temm jgħid li l-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi għandu għal qalbu l-interess tal-ħaddiema kollha madwar l-Unjoni Ewropea, għaldaqstant dan ir-rapport qiegħed jingħata importanza kbira biex b’hekk kull ħaddiem madwar l-Ewropa jmur għax-xogħol b’serħan il-moħħ.