Cyrus Engerer ġie maħtur bħala Ko-President fit-tmexxija tal-koalizzjoni fil-Parlament Ewropew, Mental Health Europe. L-Ewroparlamentari Laburista saħaq li wasal iż-żmien li l-Unjoni Ewropea tiddiskuti s-saħħa mentali b’mod ħolistiku.
Hu stqarr, “Is-saħħa mentali għandha tkun fuq nett tal-aġenda fix-xogħol fil-Parlament Ewropew, b’mod speċjali waqt id-diskussjonijiet relatati mal-Unjoni tas-Saħħa Ewropea.”
Matul dawn iż-żminijiet straordinarji, filwaqt li kulħadd qed ikun mitlub jevita li jiltaqa’ ma’ persuni oħra biex titnaqqas l-imxija tal-COVID-19, huwa iżjed importanti li s-servizzi tas-saħħa mentali jkunu disponibbli minħabba li ħafna jistgħu ibatu mis-solitudni.
Għaldaqstant hu tenna jgħid, “Għaddejjin minn perjodu diffiċli għall-umanità fejn irridu nsibu l-bilanċ bejn is-saħħa fiżika u mentali tagħna. Filwaqt li nifhem li r-riżorsi fil-qasam tas-saħħa huma ffukati fuq il-pandemija tal-COVID-19, ma nistgħux ninsew kundizzjonijiet oħra ta’ saħħa, b’mod speċjali dawk marbutin mas-saħħa mentali,”.
Engerer qal li l-politika dwar is-saħħa mentali hija waħda li taffettwa lil kulħadd. “Inkun qed nonqos jekk ma nżommx f’moħħi wkoll kif kundizzjonijiet ta’ saħħa mentali jeżistu wkoll anke fost komunitajiet iżgħar, fosthom il-persuni LGBTIQ li huma suġġett għal problemi ta’ saħħa mentali minħabba diversi fatturi bħal diskriminazzjoni, li jħossuhom aċċettati min-nies ta’ madwarhom u l-inugwaljanza. Persuni transgender huma l-iżjed li jbatu minn problemi ta’ saħħa mentali, b’mod speċjali meta ma jkunux aċċettati mis-soċjetà ta’ madwarhom. Konsegwenza ta’ dan naraw l-ogħla rata ta’ suwiċidji fost din il-komunità,” kompla jgħid Engerer.
Madwar id-dinja, 450 miljun persuna jbatu minn kundizzjonijiet diversi relatati mas-saħħa mentali, 84 miljun minn dawn jinsabu f’xi pajjiż membru tal-Unjoni Ewreopea. “Dan mhux biss numru. Dan ifisser membru tal-familja, xi ħabib jew kollega, jew saħansitra aħna stess,” saħaq Engerer.
F’Malta, 7.9% esperjenzaw anzjetà matul ħajjithom, b’6.2% jgħidu li esperjenzaw l-anzjetà matul l-aħħar sena.
“Bħala Ko-President ta’ din il-koalizzjoni se nkun qiegħed nassigura li ħadd ma jkun qiegħed jintesa,” temm jgħid Engerer.