“Ix-xogħol tajjeb li qiegħed jagħmel id-Dipartiment tal-Animal Welfare u l-għaqdiet non-Governattivi fil-kura tal-annimali abbandunati u mitlufin jista’ jiġi mgħejjun jekk nassiguraw li kulħadd jiċċippja l-annimal tiegħu.” Saħaq dan il-kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Cyrus Engerer. Engerer qal dan waqt żjara fid-Dipartiment tal-Animal Welfare din il-ġimgħa fejn qasam ukoll storja li għadda minnha ftit tax-xhur ilu bis-sejbien u l-adozzjoni ta’ kelb mitluf.
Engerer irrakkonta esperjenza emozzjonanti li għadda minnha hekk kif sab kelb mitluf fit-toroq tar-Rabat u wara li tal-Animal Welfare ikkonfermaw li ma kienx iċċippjat żammu d-dar u malajr sar parti mill-familja.
“Ma stajtx inħallih jiġri barra, mifxul kif kien, bil-possibilità li jittajjar minn xi karozza. Iżda bl-istess mod, ma stajniex inżommuh għandna, minkejja li konna rbatna qalbna miegħu, meta tliet ġimgħat wara kellmuni s-sidien oriġinali tiegħu li jixtiequh lura. Bid-dmugħ f’għajnejna kellna nagħtuh lura minkejja li konna ċċippjajnih aħna. Ħassejna li dak kien l-aħjar għall-kelb”, irrakkonta Engerer.
Engerer spjega kif b’din l-esperjenza jrid joħloq kuxjenza dwar dan is-suġġett fl-interess tal-annimali domestiċi, iżda wkoll fl-interess tas-sidien tagħhom li jkollhom qalbhom marbuta mal-ħajja ta’ dak l-annimal.
Fl-aħħarnett Engerer sellem lill-ħaddiema tad-dipartiment tal-Animal Welfare u l-bosta għaqdiet Maltin u Għawdxin li jieħdu ħsieb l-annimali abbandunati u mitlufa u saħaq li jeħtieġ naħdmu aktar biex indaħħlu mentalita’ aktar pet friendly fis-soċjetà Maltija.