Il-Membru Parlamentari Ewropew tal-Partit Laburista, Cyrus Engerer, innota li l-ewlieni tal-Blue Heroes u l-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi hu żbaljat dwar min ivvota favur jew min ivvota kontra li tiddaħħal taxxa ġdida Ewropea fil-qasam marittimu.
L-eks Deputat Nazzjonalista tal-establishment ipprova jagħti x’jifhem li l-MEPs Laburisti baqgħu ċassi quddiem din it-taxxa l-ġdida, mentri dan mhux il-każ.
Fil-fatt, Engerer saħaq li kien biss il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista u sieħeb l-istess Azzopardi, David Casa, li vvota favur l-emendi dwar din it-taxxa l-ġdida biex il-qasam marittimu jibda jkun inkluż fl-iskema tas-suq tat-tniġġis.
Hu qal dan f’kitba fuq il-midja soċjali fejn sostna li għalih mhux kwistjoni ta’ voti, iżda tal-azzjoni kemm qabel, waqt u wara l-vot. Engerer tenna li, flimkien mal-Membri Parlamentari Ewropej oħrajn, iddaħħlu emendi dwar il-gżejjer fi stadju ta’ kumitat.
Cyrus Engerer qal ukoll li waqt il-vot, hu u l-Membri Parlamentari Ewropej tal-Partit Laburista vvotaw kontra u wara l-vot għadda mhux kif xtaqu, Engerer qal li għamel numru ta’ mistoqsijiet parlamentari lill-Kummissjoni Ewropea dwar pajjiżna.
Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista sostna li David Casa u Roberta Metsola m’għamlu xejn wara dan il-vot fl-interess ta’ pajjiżna.
Engerer tenna li huma jagħrfu li jridu jiġġieldu t-tibdil fil-klima, iżda din il-ġlieda trid tkun miġġielda flimkien u l-ebda pajjiż ma jista’ jitħalla jkun żvantaġġat u jaqa’ iżjed lura minn oħrajn.