“Il-Partit Laburista hu l-uniku partit f’pajjiżna li jista’ jġib bidla ambjentali.”
Dan kien kliem il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer waqt il-programm Paperscan li jixxandar fuq l-istazzjon ONE.
Engerer sostna li issa huwa l-waqt li nagħtu direzzjoni ġdida lill-pajjiżna fejn jidħol l-ambjent u l-ippjanar fid-dawl tal-fatt li pajjiżna b’ekonomija b’saħħitha u li hija waħda mill-ftit ekonomiji Ewropej li għaddejja minn tkabbir ekonomiku.
Hu qal, “Wasal iż-żmien biex f’pajjiżna ngħaddu għal-livell li jmiss dwar l-ambjent. Aħna dejjem konna l-partit tal-bidla fejn qatt ma naċċettaw l-istatus quo u dwar dan il-qasam tant importanti għal pajjiżna, rridu naraw li nisfidaw l-istatus quo.”
Dan filwaqt li saħaq li l-bidla ambjentali li għandna bżonn għandha tkun waħda li tħalli impatt pożittiv fuq is-saħħa fiżika u mentali ta’ dawk kollha li jgħixu f’pajjiżna.
Engerer spjega li bidla ambjentali hija waħda li ddur madwar l-istat tad-demokrazija u l-governanza, fejn semma numru ta’ proposti li jwasslu biex verament issir bidla ambjentali li jgawdu minna n-nies.
Hawnhekk hu qal, “…irridu naraw li l-Gvern ibiddel is-sistema ta’ procurement għal waħda li ma tiffokax biss fuq il-prezz, iżda tkun waħda li tippremja kumpaniji li jaħdmu għal zero-net pollution u n-newtralità tal-karbonju fl-operat tagħhom, meta dawn japplikaw għal tenders pubbliċi.”
Hu żied jgħid, “fl-istess waqt irridu naraw li nimxu lejn riforma elettorali, li dwarha, il-manifest tal-Partit Laburista iwiegħed diskussjoni biex naraw li l-vuċi ta’ kulħadd tkun rappreżentata.”
Eneger tenna li f’dan il-kuntest jemmen ukoll fil-ħtieġa ta’ diskussjoni wkoll dwar il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Hu kkonkluda billi qal li “ambjent b’saħħtu hu dritt għal kulħadd u dan għandu jiġi kkodifikat fil-liġijiet Maltin”, wara li fl-2002 bħala pajjiż irratifikajna l-Konvenzjoni ta’ Aarhus li tagħti l-istess drittijiet.