L-Ewroparlamentari Laburista Cyrus Engerer ġie maħtur in-negozjatur fuq l-ibħra f’isem is-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew, li se jwassal għal dibattitu u vot fuq it-tmexxija tal-ibħra u l-protezzjoni tal-biodiveristà fl-ibħra.
L-unika MPE Malti membru fil-Kumitat tal-Ambjent, Engerer sostna li ser ikun qiegħed jimbotta għal politika dwar l-ibħra bbażata fuq ir-realtajiet u l-esperjenzi tal-gżejjer u dawk li jgħixu fuqhom – speċjalment minħabba li t-tibdil fil-klima u l-ambjent jaffettwaw il-kommunitijajiet li jgħixu mal-kosta u fuq il-gżejjer b’mod sproporzjonat.
“Is-soluzzjoni għad-dinja tagħna hi li naċċertaw li l-ibħra jinżammu fiċ-ċentru tal-politika. Irridu nindirrizzaw żewġ elementi kruċjali – li nipproteġu l-ibħra, u fl-istess ħin nutilizzawhom bl-aħjar mod possibli. Dan huwa għall-ġid tagħna l-bnedmin stess, ” saħaq Engerer filwaqt li enfasizza li rridu nħarsu lejn is-saħħa b’mod olistiku. “Is-saħħa tal-ambjent ta’ madwarna, inkluż tal-ibħra, is-saħħa tal-bniedem kif ukoll is-saħħa tal-annimali li jgħixu fostna,” ikkonkluda Engerer.
Din ir-riżoluzzjoni hija skedata għal vot waqt il-plenarja tal-Parlament Ewropew il-ġimgħa d-dieħla.