Il-Membru Parlamentari Ewropew Laburista Cyrus Engerer kellu kliem iebes fil-Plenarja tal-Parlament Ewropew għal kif il-maġġoranza tal-pajjiżi Ewropew ħallew lil ftit pajjiżi jġorru l-piż kollu relatat mal-immigrazzjoni billi waqqfu d-diskussjonijiet għal dawn l-aħħar tmien snin.
Engerer tkellem fil-plenarja tal-Parlament Ewropew waqt id-dibattitu dwar il-Kunsill Ewropew tal-ġimgħa d-dieħla fejn il-Prim Ministri tas-27 pajjiż tal-Unjoni Ewropea se jiltaqgħu bis-suġġett tal-immigrazzjoni fost dawk fuq l-aġenda.
“Wara tmien snin minn mindu bdew in-negozjati dwar il-patt tal-migrazzjoni, il-gvernijiet Ewropej għadhom litteralment fil-punt tat-tluq”, qal Engerer filwaqt li saħaq li l-pajjiżi tal-periferija tal-Unjoni Ewropea ma jistgħux jitħallew waħedhom. “Sfidi Ewropej għandu jkollhom soluzzjonijiet komuni Ewropej. Il-kumplament tal-pajjiżi ma jistgħux iħallu lil dawk tal-Mediterran waħedhom fi kriżi ta’ immigrazzjoni u kriżi umanitarja fl-ibħra tagħna”.
Engerer kien ċar u tond meta qal li din “hi sitwazzjoni redikola”, fejn il-Parlament Ewropew immedjatament innegozja u ħareġ bil-posizzjoni tiegħu wara voti fil-plenarja fuq id-diversi liġijiet, filwaqt li baqa jistenna snin twal lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea li ġie hijacked minn ftit gvernijiet li ma jinteressahomx mill-pajjiżi tal-Mediterran.
Fid-diskors tiegħu Engerer irrimarka l-kontradizzjonijiet ta’ dawk il-gvernijiet, fil-maġġoranza assoluta mmexxijin mill-partiti abbinati mal-Partit Nazzjonalista, li qed iweħħlu l-proċess fejn fuq naħa jgħidu mod, imma imbagħad jagħmlu bil-kontra.