Il-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer ġie maħtur mill-grupp tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi fil-Parlament Ewropew biex ikun in-negozjatur tal-grupp dwar is-saltna tad-dritt fl-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tagħha għas-sena 2023.
Engerer qal li l-moniteraġġ tad-demokrazija, is-saltna tad-dritt u d-drittjiet fundamentali hu importanti għall-Unjoni Ewropea, hekk kif huma l-kriterji prinċipali li pajjiż irid jissodisfa biex jidħol fl-Unjoni Ewropea, il-kriterji magħrufa bħala ta’ Copenhagen.
Il-Membru Parlamentari Ewropew tenna li, sfortunatament, fil-Parlament Ewropew, l-ikbar grupp politiku jipprova jżomm lill-Parlament milli jiddiskuti ċerti pajjiżi li għandhom defiċjenzi fis-saltna tad-dritt, bħall-Greċja u l-Bulgarija, sempliċiment għax għandhom gvernijiet immexxijin mill-istess partit politiku.
Għaldaqstant, dan ir-rapport se jkun qed iħares lejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea u l-qagħda inġenerali tas-saltna tad-dritt fl-Ewropa, saħaq Engerer.
Ftit xhur ilu, il-Prim Ministru Robert Abela faħħar lil Engerer għall-ħidma tiegħu fil-qasam tas-saltna tad-dritt fl-Ewropa waqt attività tal-Partit Laburista fir-raba’ sena ta’ ħidma f’din il-leġiżlatura tal-Parlament Ewropew.