Waqt konferenza ta’ livell għoli oganizzata mill-ġurnal Politico, il-membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer enfasizza fuq l-aċċessibiltà u l-affordabbilità tal-mediċini u fuq kif l-industrija għandha tkun inċentivata sabiex jitjieb l-aċċess għall-mediċini mill-pazjenti Ewropej.
Dan sar ftit sigħat qabel ma l-Kummisjoni Ewropea nidiet pakkett ta’ miżuri leġiżlattivi dwar il-farmaċewtika.
Huwa saħaq li “s-servizz tas-saħħa huwa bżonn mhux lussu u l-aċċess għal mediċini affordabbli għall-pazjenti kollha fl-Unjoni Ewropea għandu jkun parti ċentrali minn kull miżura leġislattiva futura dwar il-farmaċewtiċi fl-UE.”
Engerer kompla jgħid li l-industrija għandha ssir aktar reżiljenti billi żżid l-isforzi tagħha. B’hekk tikkompeti fuq livell internazzjonali mal-Istati Uniti u ċ-Ċina rigward l-innovazzjoni. Huwa wissa li qed jintilfu nies ta’ talent f’din l-industrija minħabba l-fatt li qed jimxu lejn kontinenti oħrajn u għalhekk din l-kwistjoni għandha tiġi indirizzata.
Finalment, il-Membru Parlamentari Ewropew saħaq fuq il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri fejn jidħol l-aċċess għal trattamenti ta’ mard rari.