Fi stqarrija l-Partit Laburista nnota kif il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (ITRE) fil-Parlament Ewropew laqa’ numru ta’ proposti tal-Membru Parlamentari Ewropew Dr Josianne Cutajar għal żieda sostanzjali fil-baġit allokat għall-Connecting Europe Facility (CEF) fil-qasam tal-enerġija.
Il-Partit Laburista sostna li bis-saħħa tal-emendi għall-baġit proposti minn Cutajar, huwa mistenni li l-baġit għas-sena 2020 f’dan il-qasam jiżdied b’mod sinifikanti, hekk kif il-proposti ta’ Cutajar sabu l-appoġġ tal-membri Soċjalisti u Demokratiċi fi ħdan l-istess Kumitat. Cutajar innutat ukoll, iżda, illi minħabba l-fatt li l-membri tal-Partit Popolari Ewropew m’appoġġjawx l-emendi fit-totalità tagħhom, ma nkisibx l-ammont ambizzjuż sħiħ li pproponiet li jiżdied il-Membru Parlamentari Ewropew.
Il-proposti ta’ Cutajar jżewġu l-għanijiet tal-Unjoni tal-Enerġija flimkien mal-bżonnijiet ta’ Stati Membri żgħar u fil-periferija, bħal ma hi Malta.
Permezz tal-fondi Ewropej – li hu mistenni li jiżdiedu permezz tal-emendi ta’ Cutajar – l-iStati Membri ser ikunu jistgħu jsaħħu s-sigurtà tal-provvista ta’ enerġija tagħhom, filwaqt li jintegraw fil-qafas Ewropew tad-distribuzzjoni tal-enerġija, partikolarment dawk tal-elettriku u l-gass. Dan iwassal ukoll għal użu ta’ sorsi ta’ enerġija iktar nodfa, u għaldaqstant b’inqas ħsara ambjentali.
Issa li l-Kumitat ITRE approva l-proposti tal-Membru Parlamentari Ewropew Cutajar, il-baġit għall-qasam tal-enerġija ser jiġi diskuss fi ħdan il-Kumitat għall-Baġits, sabiex jifforma parti mill-Baġit Ewropew sħiħ għas-sena 2020, tenna jgħid il-Partit Laburista.
“Il-politika tiegħi hi waħda ta’ persważjoni u kompromess,” tenniet Cutajar. “Bħal ma kkonvinċejna lill-Kumitat ITRE, nawgura li l-Kumitat għall-Baġits jifhem il-bżonn ta’ iktar fondi għall-implimentazzjoni ta’ proġetti tal-enerġija.”
Permezz ta’ baġit aqwa għal CEF Energy, jiżdiedu l-fondi għal proġetti importanti bħall-pipeline tal-gass bejn Malta u l-Italja, li jkompli jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-enerġija għal pajjiżna. Cutajar fissret kif dan il-programm iwassal biex Malta ma tibqax iżolata mill-bqija tal-Ewropa fid-distribuzzjoni tal-enerġija, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.