Għall-ewwel darba fil-Kalkara, ser tiżżanżan ċuqlajta ġdida li ser tintuża għall-jiem ta’ Ħamis ix-Xirka, l-Ġimgħa l-Kbira u Sibt il-Għid. Iċ-Ċuqlajta ngħatat l-isem ‘Dolorosa’. Din saret sabiex tindaqq minn fuq il-bejt tal-Każin tal-Għaqda Mużikali San Ġużepp tal-Kalkara.
Iċ-ċuqlajta, strument tal-injam forma ta’ salib bl-imrietel, tintuża biex tissostitwixxi l-qniepen tal-knejjes. Il-ħoss jiġi ġġenerat permezz tad-dawrien tas-salib li jwassal sabiex l-imrietel ifaqqgħu mal-injam u jagħmlu ħoss kiebi li jikser is-sikta fis-silenzju.
Iċ-Ċuqlajta hija tradizzjoni tagħna l-Maltin u nsibuha mifruxa f’diversi bliet u rħula. Għaċ-ċuqlajta tal-Kalkara, l-karpinterija u l-lostru saru mis-Sur Anthony Galea u s-Sur Rodney Paul Formosa filwaqt li l-isgraffjar tal-isem taċ-Ċuqlajta sar mis-Sinjorina Christiana Cassar. Ix-xogħol ta’ ħadid sar mis-Sur Joseph Vella filwaqt li s-Sur Joseph Schembri ta l-għajnuna waqt it-tfassil u l-ħidma.
Iċ-ċuqlajta ser tiġi nawgurata nhar l-Erbgħa tat-Tniebri 5 t’April 2023 quddiem il-każin tas-Soċjetà wara l-kunċert mill-Banda San Ġużepp fil-Knisja Parrokkjali. It-tberik tagħha ser isir mill-Kappillan tal-Kalkara Dun Brian Gialanze. Ser tindaqq għall-ewwel darba nhar Ħamis ix-Xirka 6 t’April fil-ħin tar-ripożizzjoni tas-Sagrament lejn is-Sepulchrum, imbagħad id-daqq isegwi skont il-prassi.