Bejn sebgħin u tmenin persuna morda bil-kanċer li jiġu bżonn ir-radjoterapija kuljum bħala parti mill-pjan ta’ kura tagħhom, se jgawdu minn CT Scanner ġdid u avvanzat li joffri l-aqwa kura.
Fl-Isptar tal-Onkoloġija Sir Anthony Mamo, id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne inawgura dan is-CT Scanner li nxtara b’investiment ta’ nofs miljun ewro, kofinanzjat bejn il-Gvern Malti u l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija Tomika.
Din il-magna, li bdiet tintuża fl-aħħar jiem, tgħin lill-ispeċjalisti biex jużaw ir-raġġi biss fuq it-tessut tal-kanċer u mhux partijiet oħra tal-ġisem, u allura tiffranka ħafna kumplikazzjonijiet minħabba raġġi żejda li jieħdu l-pazjenti.
Qal, “Ir-raġġi li konna nagħtu lill-pazjenti ħamsa u għoxrin, tletin sena ilu, kienu jfejqu l-kanċer imma kienu wkoll iħallu ħsara kbira lill-organi u tessuti normali għax il-magni kienu għadhom mhux avvanzati biżżejjed. Meta mxejna f’dan l-isptar, minn Boffa għal Sir Anthony Mamo, daħħalna dawk li ngħidulhom linear accelerators, magni ġodda, li kapaċi jisparaw raġġi b’saħħithom b’mod iffukat biex jolqtu biss iċ-ċelloli tal-kanċer u ma jolqtux it-tessut tal-madwar.”
L-ispeċjalista Dorothy Anne Aquilina, spjegat kif kull sena, mal-elf u erba’ mitt pazjent jiġu bżonn il-kura fl-Isptar tal-Onkoloġija, u allura saħqet fuq l-importanza tas-CT Scans għaliex minnhom ikun determinat fejn hemm bżonn jingħata t-trattament.
Spjegat, “Bħala proċess, kull pazjent li għandu bżonn ir-radiotherapy ikollu jieħu CT Scan. Din hija l-bażi tar-radiotherapy għax fuqha jiddependi t-trattament kollu. Għalhekk huwa importanti li jkollna l-aħħar teknoloġija li għandna fis-suq u wkoll tħallina niżviluppaw iktar tekniċi ġodda bħal stereotactic radiotherapy li hija teknika ġdida li aħna ħa nintroduċu fiż-żmien li ġej ukoll.”
Id-Deputat Prim Ministru fakkar kif madwar id-dinja, f’dawn l-aħħar sena u nofs, il-pandemija pparalizzat ħafna mis-sistemi tas-saħħa.
B’differenza, f’pajjiżna mhux biss għandna s-sitwazzjoni tal-imxija taħt kontroll, imma l-Gvern baqa’ jinvesti biex jiġġieled mard ieħor.