Fiċ-ċentru l-ġdid tar-radjoloġija f’San Vinċenz De Paul se jinxtara CT Scanner ġdid sabiex ikompli jissaħħaħ is-servizz tal-kura li jingħata lill-anzjani.
Din hija wegħda oħra fil-Budget għas-sena d-dieħla, fejn mistenni jsir investiment ta’ kważi miljun u nofs ewro mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, l-NDSF.
Dan propju tħabbar mill-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet Alex Muscat, fejn f’konferenza tal-aħbarijiet intqal li issa ħarġet is-sejħa għax-xiri ta’ dan l-apparat.
Il-Ministru Farrugia spjega kif għal bidu, dan is-CT Scanner se jintuża mir-residenti ta’ San Vinċenz, iżda mbagħad is-servizz se jiġi estiż għall-anzjani kollha fil-komunità.
B’hekk se tonqos bil-qawwi d-domanda fuq l-isptarijiet tal-pajjiż, partikolarment f’Mater Dei.
Qal, “Dan l-investiment li qed nagħmlu illum u dak li sar fl-aħħar xhur u dak li qed naraw ‘il quddiem qed ikun fil-mira li eventwalment l-investiment ma jkunx biss bħala servizz għar-residenti ta’ San Vinċenz De Paul imma anke għad-djar kollha tal-anzjani f’pajjiżna, hekk ukoll eventwalment għall-anzjani fil-komunità.”
Matul is-snin, anke minħabba l-Covid-19, San Vinċenz ra żieda ta’ anzjani li għandhom il-bżonn ta’ CT Scans u għalhekk dan l-investiment se jipprevjeni ċertu mard.
Is-Segretarju Parlamentari Muscat qal kif mill-flus li ġejjin mil-programm ta’ residenza, se jgawdu l-anzjani Maltin u Għawdxin.
Spjega, “Aħna għalhekk naħdmu biex nattiraw l-investiment biex imbagħad naraw li dan il-ġid jasal fil-komunitajiet. Permezz ta’ dan is-CT Scan ġdid li se jkun hawn f’San Vinċenz De Paul se jkollok komunità ta’ għoxrin fil-mija tal-popolazzjoni Maltija illi tista’ tibbenefika minn dan l-investiment.”