Il-cruise Liner MSC Grandiosa ma tħalliex jidħol f’Malta dalgħodu wara li fl-aħħar jiem dehru rapporti anki fuq l-aġenziji tal-aħbarijiet CNN u EURONEWS, li abbord il-vapur kien hemm persuni infettati bil-Covid-19.
Abbord il-bastiment hemm ukoll Maltin u rapporti qed jgħidu li ma hemm l-ebda ċittadin Malti li ttestja pożittiv għall-Covid-19.
Nifhmu li l-cruiseliner issa se jmur lejn Palma de Mallorca fi Spanja u kull passiġġier se jiġi ttestjat u min jirriżulta fin-negattiv jitħalla jinżel minn fuq il-vapur u jintbagħat lura pajjiżu b’ajruplan.
Rapporti qed jgħidu li l-biċċa l-kbira tal-passiġġieri infettati bil-Coronavirus huma Taljani u ma kellhomx sintomi.
Intqal li l-ebda persuna pożittiva għall-Covid-19 ma kellha bżonn tittieħed għall-kura fi sptar.
Ingħad ukoll li l-persuni infettati ttestjaw fil-pożittiv wara li dawn kienu f’Marsilja fi Franza.
Il-cruiseliner MSC Grandiosa mhux l-ewwel darba li daħal fil-Port il-Kbir hekk kif dan il-vapur ibaħħar fil-Mediterran.
Kull passiġġier u membru tal-ekwipaġġ abbord il-vapur inkwistjoni jeħtieġ li jkun imlaqqam kontra l-Covid-19 skont protokolli ċari.
Intant fi stqarrija li bagħtet il-kumpanija MSC Cruises ġie ċċarat li f’Malta kellhom jitniżżlu 28 persuna li ma kinux pożittivi għall-Covid-19.
Dawn kienu se jtemmu l-btala tagħhom hekk kif jitniżżlu f’Malta u issa minflok se jitniżżlu f’port ieħor u jsiru l-arranġamenti meħtieġa biex jintbagħtu lura f’Malta bl-ajru.
Il-kumpanija spjegat li hi tħares il-protokolli ċari tas-saħħa u fuq il-cruiseliners isiru testijiet għall-Covid-19.