L-MSC World Europa huwa l-isem ta’ cruiseliner li, għall-ewwel darba, sorġa fil-Port il-Kbir.
Il-port pittoresk ta’ pajjiżna mhux biss huwa wieħed mill-portijiet li dan il-cruiseliner se jibda jżur kull nhar ta’ Erbgħa, minn issa ‘l quddiem, iżda se jservi wkoll bħala l-bażi tiegħu.
Bħala parti miċ-ċerimonja tal-vjaġġ inizjali, l-awtoritajiet u rappreżentant tal-Port, partu l-emblemi rispettivi tagħhom.
Dan il-vapur huwa l-ewwel wieħed reġistrat f’pajjiżna li jaħdem bl-LNG, u jemetti 25 fil-mija inqas dijossidu tal-karbonu (CO2) fl-arja, u b’hekk huwa pass eqreb lejn turiżmu aktar sostenibbli.
Dan il-vapur mhux biss huwa l-aktar wieħed ekosostenibbli fil-flotta tal-MSC, għax jopera bil-gass naturali, iżda wkoll huwa wieħed mill-akbar vapuri tal-kumpanija.
Fil-fatt, dan il-vapur jesa ’l fuq minn 6,700 passiġġier, fosthom 2,200 membru tal-ekwipaġġ.
Tkellimna ma’ Josette Hamilton, id-Direttur Manġerjali ta’ Hamilton Travel, l-aġenti Maltin għall-cruises tal-MSC. Hija spjegat kif dan il-vapur, uniku għax-xorta tiegħu, huwa magħmul b’tali mod li jkun aktar sostenibbli. Hija spjegat ukoll li dan se jgħin waħda mill-industriji ewlenin ta’ pajjiżna, it-turiżmu.
Id-direttur Maniġerjali qal li “Ħafna huma dawk li se jieħdu l-opportunita’, u jgawdu minn dan il-vapur li se jidħol Malta, kull nhar t’Erbgħa u jirritorna kull nhar t’Erbgħa. Jesa mas-6,700 bil-crew b’kollox, u naturalment għandu l-aktar affarijiet li huma moderni fuq l-industrija tal-cruising.”
Dan l-istess sentiment esprimieh ukoll Stephen Xuereb, il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port.
Stephen Xuereb saħaq li “Wara s-sentejn diffiċli li kellna, dis-sena hija waħda ta’ rkupru. Is-sena l-oħra għalqna 560,000 passiġġier, dis-sena ħa jkollna ‘l fuq minn 800,000, viċin is-sena rekord li kellna fl-2019, fejn ilħaqna 900,000 passiġġier.”
Uffiċjal Eżekuttiv fil-kumpanija MSC, Bud Daar spjega kif il-kumpanija għandha flotta ta’ 21 vapur, li jżuru 5 kontinenti. Għal dawn l-aħħar 25 sena, Malta baqgħet wieħed mill-aktar pajjiżi integrali u għal qalb dawk li jivjaġġaw bil-vapuri tal-flotta tagħhom.
Min-naħa tiegħu, il-Kaptan tal-vapur, Dino Sagani, qal li l-poplu Malti għandu jkun kburi li dan il-bastiment iperper il-bandiera Maltija.
SOT 3
DINO SAGANI
IL-KAPTAN TAL-MSC WORLD EUROPA
Il-Kaptan qal “Mhux biss aħna l-ikbar vapur tat-turisti li jaħdem bl-LNG, iżda għandna wkoll l-aħħar teknoloġija fejn tidħol is-sostenibbiltà ekoloġika, tant li ġejna ddikjarati l-aktar vapur tat-turisti fid-dinja li jirrispetta l-ambjent. Malta sabiħa u hija l-port favorit tiegħi, iżda hija wkoll il-port favorit għal eluf ta’ passiġġieri li vvjaġġaw magħna fl-aħħar snin.”
Preżenti għaċ-ċerimonja kien hemm ukoll il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, u l-Ministru għall-Ekonomija, il-Fondi Ewropej, u l-Artijiet, Silvio Schembri.
Il-Ministru Bartolo qal li din l-industrija mhux biss qed twassal għal progress ekonomiku, iżda wkoll għal progress soċjali. Huwa qal li pajjiżna u l-awtoritajiet fi ħdan il-Ministeru għat-Turiżmu se jkomplu jaħdmu biex Malta tissodisfa l-aspettattivi ta’ dawk kollha li jżuruha.
L-MSC se jkun qed jopera bejn Malta, Barċellona, Marsilja, Ġenova, Napli, u Messina