Wara r-restawr li sar permezz ta’ fondi Ewropej fuq il-mitħna tax-Xewkija lura fl-2021, dan is-sit qed iservi bħala attrazzjoni turistika kulturali għall-eluf ta’ Maltin u barranin li jżuru l-gżira ta’ Għawdex minn żmien għal żmien matul is-sena.
Matul dawn l-aħħar sentejn il-mitħna kienet qiegħda titmexxa mid-Direttorat għall-Wirt Kulturali fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex u l-Ippjanar.
Minn żmien għall-ieħor, id-Direttorat qed jorganizza numru ta’ attivitajiet kulturali differenti sabiex jattira iktar viżitaturi lejn dan il-post.
Ir-Randan u l-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa huma żminijiet għeżież ħafna għall-poplu Għawdxi fejn bosta tradizzjonijiet antiki jieħdu l-ħajja.
Ġewwa l-Mitħna tax-Xewkija, li nbiet fl-1710, għall-ewwel darba qiegħda tittella’ wirja relatata mal-Ġimgħa Mqaddsa. L-ambjent ta’ din il-mitħna huwa uniku u idejali għal din it-tip ta’ attività.
Din il-wirja hija komposta minn bosta elementi li ċertament kull dilettant tal-Ġimgħa l-Kbira jistenna f’wirja organizzata tajjeb. Se jkun esibit sett uniku antik maħdum f’qies minjatura fit-tafal lokali minn artist lokali. Il-vari huma maħduma fuq statwi differenti antiki li wieħed jsib fi knejjes differenti Għawdxin.
Wieħed jista’ jinnota numru ta’ oġġetti relatati mal-Passjoni; kurċifissi antiki u ikoni. Fil-wirja wieħed jista’ jara xi kotba antiki tat-talb relatati mal-Ġimgħa Mqaddsa u oġġetti oħra.
Il-wirja hija mitfuħa sal-31 ta’ Marzu bejn it-8.30am u t-8.00pm u d-dħul huwa b’xejn. L-iskop ta’ dawn l-attivitajiet huwa sabiex l-pubbliku ġenerali jidra kultura ta’ sit storiku li mhux biss jgħallmek l-istorja iżda wkoll jagħtik pjaċir.
Id-dħul għal din il-wirja huwa bla ħlas.