Għar-raba’ sena konsekuttiva qiegħda tittellgħa l-wirja Crocefisso fil-Gudja. B’differenza minn diversi wirjiet li naraw matul dawn iż-żminijiet tar-Randan, din il-wirja tiffoka fuq il-kurċifiss, kif jindika l-isem ta’ din l-istess wirja.
Fil-fatt, din il-wirja fiha aktar minn 500 kurċifiss differenti, b’qisien u dimensjonijiet differenti li jkomplu jagħmlu din il-wirja aktar ikkulurita. L-eqdem salib li jinsab f’din il-kollezzjoni jmur lura 500 sena, bi slaleb oħra ġejjin minn żmien l-Ordni ta’ San Ġwann, b’oħrajn aktar riċenti. Insibu diversi kurċifissi li ħarġu minn idejn artisti Maltin, biss insibu wkoll kurċifissi minn madwar l-Ewropa kollha, fosthom mill-Italja, Ġermanja, Franza, Spanja kif ukoll Ġerusalemm.
Il-kuriċifissi huma maħduma f’media differenti, fejn hemm minnhom li huma tal-madreperla, oħrajn tal-kartapesta, kurċifissi maħduma fl-injam kif ukoll fit-terracotta, u bla dubju nsibu wkoll kurċifissi tal-metall u tal-fidda.
Minn sena għall-oħra din il-wirja baqgħet dejjem iżżid fil-popolartià tagħha u din is-sena bi pjaċir ngħidu li din il-wirja se tinfetaħ mill-Eċċellenza Tagħha l-President tar-Repubblika Dr Marie Louise Coleiro Preca, nhar il-Ħadd 18 ta’ Marzu 2018 fl-10am. Il-wirja se tibqa’ miftuħa sa Sibt il-Għid, fejn għal sen’oħra l-familja Farrugia se tiftaħ il-bibien tagħha sabiex il-pubbliku inġenerali jkun jista’ jżur din il-wirja unika fil-gżejjer Maltin.
Minn barra l-kurċifissi, fil-wirja nsibu wkoll tliet settijiet ta’ vari differenti maħduma minn artisti Maltin u Għawdxin, kif ukoll feature awdjo-viżiv li jitkellem dwar il-Kurċifiss u s-simboliżmu li nsibu miegħu fl-istampi, pitturi, u rappreżentazzjonijiet oħra.