Wara tlett ijiem fl-Isptar Mater Dei, iċ-ċkejken Cristiano li l-Ġimgħa nstab abbandunat imgeżwer fil-ħwejjeġ fuq l-għatba ta’ blokka ta’ appartamenti f’Buġibba, inħareġ mill-isptar.
Biex issa, wara li l-Ħadd ġiet identifikata omm it-tifel tat-twelid, huwa ngħata fil-kustodja tas-sorijiet tal-Ursolini flimkien ma’ ħuh li għandu sena – li wkoll qiegħed jinżamm fil-Cresche mas-sorijiet.
Eżamijiet mediċi li saru fuq iċ-ċkejken sabu li Cristiano jinsab fi stat ta’ saħħa tajjeb u tpoġġa taħt ordni ta’ ħarsien temporanju.L-omm taż-żewġt itfal – li hija Maltija ta’ tnejn u għoxrin sena u toqgħod il-Qawra, qed tgħin fl-investigazzjonijiet tal-Pulizija u t-Tnejn waranofsinhar tkellmet għall-ewwel darba mal-Maġistrat inkwerenti Joe Mifsud fl-Isptar Mater Dei. Aktar tard il-Maġistrat kellem ukoll tliet persuni oħra bil-għan li jiġu stabbiliti l-fatti kollha b’rabta ma’ dan il-każ sfortunat.
Sorsi qrib l-investigazzjonijiet tal-pulizija qalu ma’ one news li mhux eskluż li l-omm tibqa’ tingħata aċċess temporanju għaż-żewġ uliedha fl-aqwa interess tat-tfal.
Sadanittant il-Pulizija qalet fi stqarrija li l-Qorti ordnat biex ma jissemmewx l-ismijiet tal-omm u tal-qraba tat-tarbija.