Id-delitt ta’ Paulina Maria Dembska, li seħħ fit-2 ta’ Jannar, seħħ għal ħabta tal-5:15am.
Dan il-każ jirriżulta li ma kienx premeditat u ma kienx hemm konnessjoni bejn l-allegat suspettat u l-vittma.
Dan tħabbar waqt Crime Conference indirizzata minn kelliem u uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija.
Is-suspettat Abner Aquilina ser ikun qed jitressaq il-Qorti illejla fis-6:30 ta’ filgħaxija mixli bil-qtil u l-istupru tat-tfajla.
Kelliem għall-Pulizija spjega kif il-bieraħ is-suspettat ħareġ mill-isptar Monte Karmeli u minnufih komplew l-interrogazzjonijiet.
Il-Pulizija fakkret kif id-delitti li saru fl-aħħar ħames snin kollha ġew solvuti mill-Pulizija.
Id-Deputat Kummissarju Ramon Mercieca stqarr kif wara att kriminali bħal dan, il-Pulizija rat li tkun ta’ spalla għall-komunità ta’ Tas-Sliema u b’hekk titnaqqas il-biża’.
Spjega kif il-Pulizija qed ikunu qrib fejn ġara r-reat u qed iħabbtu bieb bieb biex jitkellmu man-nies li joqogħdu fl-inħawi.
Waqt rondi, l-uffiċjali qed jassiguraw lill-pubbliku li pajjiżna għadu post sigur.
Huwa talab ukoll lill-pubbliku biex kull min jaffaċċja fastidju jagħmel rapport u jersaq ’il quddiem.
Hawnhekk innota kif anke persuni li jaraw ċertu fastidju jew xi ħaġa li tiġbed l-attenzjoni għandhom jitkellmu mal-Korp tal-Pulizija.