L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu, Creditreform Rating, affermat mill-ġdid ir-rating A+ ta’ pajjiżna, u kkonfermat li l-prospetti ta’ dan ir-rating huma stabbli.
F’rapport li ħarġet din l-aġenzija Ġermaniża, magħrufa li l-esperti tagħha jgħarblu l-ekonomiji tal-pajjiżi mingħajr ma jħarsu lejn wiċċ ħadd, dwar Malta qalu li fl-aħħar snin pajjiżna kellu rekord ta’ tkabbir ekonomiku li huwa ferm akbar minn dak fiż-Żona Ewro.
“Vivid economic growth well above that of the euro area over recent years”.
F’dan il-kuntest irrimarkaw għar-reżiljenza tal-ekonomija ta’ Malta u li din tirrifletti d-diversifikazzjoni tas-setturi ekonomiċi.
Fil-fatt fir-rapport, Creditreform innutat kif minkejja l-pandemija, saħansitra kien hemm numru ta’ setturi fil-qasam diġitali li tejbu l-operat u d-dħul.
Ir-rapport jinnota li tul il-pandemija, l-andament ekonomiku ta’ pajjiżna kien aħjar minn dak fil-bqija tal-Unjoni Ewropea u dan riżultat tal-galbu fl-impożizzjoni ta’ miżuri ristrettivi li ħa l-Gvern kawża tal-imxija u li bihom sab il-bilanċ bejn is-saħħa u l-ekonomija.
L-esperti Ġermaniżi nnutaw ukoll l-għajnuniet li ta-Gvern Malti lil poplu tiegħu u għalhekk frott din l-għajnuna, bħal Covid Wage Supplement li salvat l-impjiegi, is-sena d-dieħla, Creditreform qed tbassar li jkun hemm irkupru ekonomiku b’saħħtu.
“Thanks to wage subsidies to safeguard employment, the fallout from the corona crisis on the labour market has been limited”.
L-aġenzija internazzjonali ta’ kreditu li żżid ma’ dak li qalet il-Kummissjoni Ewropea din il-ġimgħa meta approvat il-budget ta’ Malta, tgħid li l-akbar pakkett ta’ fondi Ewropej li kiseb dan il-Gvern għandu l-potenzjal li jagħmel tajjeb għall-impatt li jista’ jkollu l-andament negattiv fl-ekonomiji ta’ madwarna u jixpruna rkupru aktar qawwi minn dak imbassar.
L-esperti Ġermaniżi ma ħarsux biss lejn l-aspett ekonomiku iżda anki lejn it-titjib li għamlet l-amministrazzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela fil-governanza u fit-tisħiħ tas-saltna tad-dritt.
“Element importanti ieħor wara l-għażla li jiġi affermat ir-rating ta’ pajjiżna hija l-kwalità għolja fil-qafas istituzzjonali”, saħqu l-esperti barranin li nnutaw ukoll kif il-Gvern huwa impenjat li jkompli jaħdem favur is-saltna tad-dritt u jsaħħaħ il-ġlieda tiegħu kontra l-ħasil ta’ flus.
“Government seems committed to deliver on continued effort required to satisfyingly deal with rule of law and anti-money laundering”.
Fil-fatt Creditreform faħħret ir-riformi li qed jagħmel il-Gvern u jidhru wkoll konvinti mill-ħidma tal-Gvern anke dwar ir-rakkomandazzjonijiet tal-Moneyval.
L-esperti Ġermaniżi huma konvinti wkoll li l-indikaturi fiskali se jitjiebu.
Dan filwaqt li nnutaw li minkejja ż-żieda fid-defiċit, il-qagħda finanzjarja tal-Gvern xorta hija f’qagħda tajba tant li skont ir-rapport tal-Creditreform, il-qagħda finanzjarja tajba tal-Gvern se tkun il-bażi għall-irkupru ekonomiku f’waqtu.
“Should lay the foundation for a timely economic recovery”.
L-esperti barranin jemmnu li l-piż tad-dejn nazzjonali mhux se jiżboq is-60% tal-ġid nazzjonali minkejja l-pandemija u wara mistenni li jerġa’ jibda jonqos.
Sostnew ukoll li l-piż tal-imgħax qed jonqos u d-dejn tal-Gvern se jsir aktar affordabbli.
Fi stqarrija, il-Gvern innota li r-rapport pożittiv ta’ Creditreform huwa t-tieni ċertifikat pożittiv li ngħata l-Gvern Malti f’ġimgħa wara dak tal-Kummissjoni Ewropea li kellu kliem ta’ tifħir għall-budget tal-Gvern u l-miżuri ekonomiċi ta’ fejda li tħabbru fih biex ikomplu jsostnu lill-familji u n-negozji f’pajjiżna.
Intant fuq twitter, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ r-rapport eċċellenti fuq Malta ta’ Creditreform u saħaq li dan ir-rapport juri li ħidmet il-Gvern qed tassigura li l-investituri barranin għad għandhom fiduċja li jinvestu f’pajjiżna.
@Creditreform affirmed our A+ #rating based on our #economic recovery potential supported by strong public #finances, while praising our institutional reforms.@MaltaGov’s efforts are ensuring we retain the confidence of foreign investors. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) November 21, 2020