L-Aġenzija ta’ kreditu Ġermaniża, Creditreform Rating, ikkonfermat ir-rating ta’ Malta fil-livell ta’ A+, bi prospetti stabbli. Dan fi sfond ta’ inċertezzi għat-tkabbir ekonomiku u għall-finanzi tal-Gvern madwar id-dinja kollha minħabba l-pandemija tal-Coronavirus.
B’kuntrast, mill-bidu ta’ Marzu, kien hemm erba’ pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li ngħataw prospett negattiv, u tnejn oħra li raw tnaqqis fir-rating.
L-ekonomisti tal-Aġenzija qalu li jekk jitneħħew ir-restrizzjonijiet fuq l-attività ekonomika, l-ekonomija Maltija tibda tirkupra mit-tieni nofs ta’ din is-sena.
Għas-sena d-dieħla, ir-rapport jipproġetta tkabbir ekonomiku ta’ kważi 5%, li se jkun dovut għall-andament tajjeb f’industriji bħall-igaming u proġetti kbar ta’ investiment.
L-esperti Ġermaniżi taw importanza lill-pakkett ekonomiku mħabbar mill-Gvern, u nnutaw li l-awtoritajiet Maltin aġixxew mill-ewwel u implimentaw pakkett sinifikanti ta’ miżuri biex jissalvagwardjaw is-saħħa pubblika.
Fl-istess waqt, skont l-analiżi tal-esperti Ġermaniżi, dan il-pakkett li ġie aġġustat aktar minn darba paripassu ma’ kif żviluppat is-sitwazzjoni, se jillimita l-effetti tal-kriżi fuq il-ħaddiema u n-negozji.
Innutaw ukoll li Malta kellha rata baxxa ta’ dejn, u għaldaqstant pajjiżna felaħ jiddejjen.
L-ekonomisti qalu li l-indikaturi tat-turiżmu diġà juru li l-industrija f’Malta qalgħet daqqa kbira, imma jinnutaw li setturi oħra bħall-gaming se jkomplu jiġġeneraw il-ġid għall-pajjiż.
L-esperti barranin esprimew fiduċja fil-Gvern li se jagħmel użu prudenti tal-fondi pubbliċi.
L-aġenzija nnotat ukoll li r-rata ta’ imgħax li jrid iħallas il-Gvern hija baxxa għax teżisti ħafna likwidità u fiduċja fil-Gvern Malti.
L-aġenzija Ġermaniża temmen li Malta se tibqa’ fost l-aktar ekonomiji Ewropej li se jikbru u jiġġeneraw impjiegi.
Dan iċ-ċertifikat pożittiv għal pajjiżna mingħand din l-aġenzija Ġermaniża, ġie wara oħrajn simili mingħand Fitch Ratings, Standard and Poor’s u Moody’s.