L-Aġenzija ta’ rating Internazzjonali, Creditreform Rating AG, għadha kemm ħabbret li qed tagħti rating ta’ A+, b’outlook stabbli, lil pajjizna.
Fost il-kawżi ta’ dan ir-rating posittiv, l-esperti ta’ Creditreform semmew t-tkabbir qawwi fl-ekonomija ta’ pajjiżna, fejn sostnew li “output growth set to remain among the strongest in Europe”. Filfatt huma qed jistennew li d-dħul disponnibli tal-familji ser ikompli jitjieb, frott żidiet fl-impjiegi f’pajjiżna. Il-qgħad mistenni jkompli jonqos filwaqt li l-għoli tal-ħajja ser jibqa taħt kontroll.
Skond l-esperti tal-Creditreform Rating, il-qagħda ekonomika f’pajjiżna ser tkun daqstant tajba li ser tagħmel “the Maltese workforce the fastest growing in the EU 28”. Skond ir-rapport tal-Creditreform Rating, it-titjib fis-suq tax-xogħol huwa dovut għall-politika mħaddna mill-2014’l hawn f’dan il-qasam. Fost l-oħrajn jissemmew miżuri bħall- in work benefit u c-childcare b’xejn.
L-esperti Ġermanizi kellhom ukoll kliem ta’ tifħir ghall-politika fiskali tal-Gvern. Filfatt fir-rapport tagħhom huma jgħidu li l-Gvern Malti huwa “government with track record of overachieving fiscal targets”. Dan jikkuntrasta bil-kbir ma dak li kien jiġri f’amministrazzjonijiet preċedenti fejn pajjiżna tpoġġa tlett darbiet fil-proċedura ta’ deficit eċċessiv. Skond l-esperti tal-Creditreform Rating, il-Gvern ser ikompli jibni fuq dak li għamel fil-leġislatura li għaddiet tant li qed ibassru li s-sena d-dieħla l-piż tad-dejn Nazzjonali ser ikun naqas qrib il-50% tal-ġid Nazzjonali.
Ir-rapport isostni li “we consider Malta’s institutional framework as a supportive factor to its credit rating, as the country’s World Governance Indicator (WGI) profile is broadly in line with euro area peers”. Filwaqt li jinnutaw li hemm bżonn tkompli l-ħidma biex titjieb l-amministrazzjoni pubblika, jinnutaw li l-kwalita tal-qafas regolatorju huwa kumparabbli ma dak f’pajjiżi oħra fiz-zona Ewro. Dan juri kif fost l-esperti fil-qasam, pajjiżna huwa meqjus fost l-aqwa fl-Ewropa.