Crance Currency qed iħejju biex nhar l-Erbgħa, 14 ta’ Diċembru iniedu dik li qed isejħulha groundbreaking ceremony li se tagħti bidu uffiċjali għall-ħidma tal-kumpanija hawn Malta.
Iċ-ċerimonja se ssir f’Ħal Far, u se tkun inidirizzata fost oħrajn mill-Prim Ministru Joseph Muscat, l-Ambaxxatriċi Amerikana għal Malta Kathleen Hill, u l-Kap Eżekuttiv ta’ Crane Stephen DeFalco.
Fl-invit il-kumpanija sejħet dan il-pass hawn Malta bħala l-‘kapitlu li jmiss’ għaliha.
Dan huwa avveniment li għalih hemm stennija kbira, bil-Viċi President tal-kumpanija Scott Smith jistqarr li f’jumejn minn mindu ppubblikaw riklam dwar is-sejħa għall-ħaddiema, ikkuntattjawhom mat-300 persuna, bin-numru ta’ kuntatti dwar impjieg f’pajjiżna b’kollox ilaħħaq mal-1000 persuna minn meta tħabbar il-proġett.
Crane Currency, li qed tinvesti $100 miljun biex tibda topera minn pajjiżna, qed tfittex li fit-tnax-il xahar li ġejjin timpjega mal-mitejn persuna u tiftaħ linja tal-istampar tal-flus, bil-possibilità li tinfetaħ linja oħra u jkunu impjegati iktar persuni.
Smith qal ukoll li l-kumpanija tagħti valur kbir lis-sigurtà u l-kuntentizza tal-ħaddiema tagħha.
Madwar id-dinja, Crane timpjega mal-elf persuna u tiddisinja u tistampa karti tal-flus għal 50 bank ċentrali madwar id-dinja.