Id-diriġenti ta’ Crane Currency huma sodisfatti ferm bl-għajnuna u s-servizz li qed jirċievu biex mingħajr dewmien il-kumpanija tibda topera f’pajjiżna.
Scott Smith, Vici President tal-kumpanija u responsabbli mir-riżorsi umani stqarr li f’jumejn minn mindu ppubblikaw riklam dwar is-sejħa għall-ħaddiema, ikkuntattjawhom mat-300 persuna, bin-numru ta’ kuntatti dwar impjieg f’pajjiżna b’kollox ilaħħaq mal-1000 persuna minn meta tħabbar il-proġett.
Crane Currency, li qed tinvesti $100 miljun biex tibda topera minn pajjiżna, qed tfittex li fit-tnax-il xahar li ġejjin timpjega mal-mitejn persuna u tiftaħ linja tal-istampar tal-flus, bil-possibilità li tinfetaħ linja oħra u jkunu impjegati iktar persuni.
Smith qal ukoll li l-kumpanija tagħti valur kbir lis-sigurtà u l-kuntentizza tal-ħaddiema tagħha.
Madwar id-dinja Crane timpjega mal-elf persuna u tiddisinja u tistampa karti tal-flus għal 50 bank ċentrali madwar id-dinja.