Il-kantant ta’ fama internazzjonali Craig David se jtella’ kunċert fil-gżira Għawdxija bħala parti mill-akbar avveniment kulturali f’Għawdex “Gozo Alive” – li din is-sena se jsir bejn it-3 u l-5 ta’ Mejju.
Aktar minn 60 attività mifruxa madwar il-gżira kollha se jesponu t-talent Għawdxi, Malti u dak internazzjonali.
Il-ftuħ uffiċjali ta’ Gozo Alive se jsir il-Ġimgħa tlieta ta’ Mejju, permezz ta’ kunċert mill-grupp mużikali Tribali bi spettaklu ta’ nar sinkronizzat mal-mużika fl-isfond.
“Il-mużika tagħna tappella għal kulħadd familji bit-tfal, żgħażagħ, nies tampari u nies ta’ ċertu eta allura niggarantilkom xow partikolari nhar it-tlieta ta’ Mejju għall-Gozo Alive” qal Peter Paul Galea minn Tribali.
Fost l-attrazzjonijiet ewlenin se jkun hemm kunċerti, sfilati tal-moda, esebizzjonijiet ta’ arti, fotografija u karozzi klassiċi, attivitajiet sportivi, u logħob għat-tfal. Dan flimkien ma’ ikel tradizzjonali.
Il-mużewijiet kollha fiċ-Ċittadella se jkunu miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas, bħall-attivitajiet l-oħra kollha.
F’kumment il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana saħqet: “Hija attivita ħajja fejn Għawdex se jkun ħaj u qed nistennew li jkun programm interessanti ħafna. Bdejnieh is-sena l-oħra, komplejnieh din is-sena biex jistabilixxi ruħu fil-kalendarju Għawdxi ta’ kull sena.”
Għal aktar dettalji dwar l-attivitajiet u l-programm sħiħ tat-tieni edizzjoni ta’ Gozo Alive, wieħed jista’ jżur il-paġna ta’ Facebook li qed tkun aġġornata kontinwament.
“Fis-sit partikolari ta’ Facebook tagħna tistgħu taraw dak kollu li aħna se jkollna f’dawn it-tlett ijiem eċitanti li se jkollna fil-Gozo Alive 2019” saħaq l-organizzatur Clint Bajada.
Ara wkoll: https://www.facebook.com/GozoAlive/ kif ukoll: https://www.visitgozo.com/events/gozo-alive/