“It-triq ‘il quddiem għall-Istati Membri kollha, inkluż Malta, hija investiment xieraq f’pjan ta’ irkupru ekonomiku li huwa sostenibbli” – Miriam Dalli.
Bil-pandemija tal-koronavirus tagħti xokk qawwi lill-ekonomija Ewropea, numru ta’ leġislaturi, CEOs, trade unions u think tanks Ewropej ingħaqdu flimkien biex jippromwovu politika u miżuri li għandhom jibnu mill-ġdid l-ekonomiji wara l-Coronavirus.
L-alleanza Ewropea għall-Irkupru Sostenibbli tal-Ekonomija se tkun qed taħdem biex tagħti prijorità lill-ħolqien ta’ impjiegi u l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli permezz ta’ miżuri li jindirizzaw it-tibdil fil-klima.
“M’hemmx dubju li x-xokk tal-pandemija għall-ekonomiji se jkun akbar mill-kriżi finanzjarja tal-2008, u hemm bżonn ta’ sforz aktar b’saħħtu biex terġa’ tinbena ekonomija reżiljenti,” spjegat il-Membru Parlamentari Ewropew Miriam Dalli, li qed tmexxi l-isforzi tas-Soċjalisti u d-Demokratiċi f’din l-alleanza.
“L-Istati Membri kollha inkluż Malta għandhom jinvestu fi pjan ta’ irkupru qawwi. It-triq il-quddiem hija investiment fi pjan sostenibbli li jagħti prijorità l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, joħloq impjiegi ta’ kwalità u jissalvagwardja s-saħħa tan-nies. Huwa biss futur sostenibbli li jista’ jgħinna nevitaw konsegwenzi devastanti.”
Il-kriżi tesiġi pjanijiet ta’ rkupru urġenti, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll tal-UE, permezz t’azzjonijiet u investimenti li jikkontribwixxu għall-irkupru malajr li jkunu sostenibbli ekonomikament, soċjalment u ambjentalment. Ifisser ukoll li inizjattivi bħall-European Green Deal saru aktar urġenti.
“L-alleanza Ewropea għall-Irkupru Sostenibbli tal-Ekonomija trid taħdem favur era sostenibbli għall-Istati Membri kollha, inkluż Malta. Flimkien qed nitolbu l-implimentazzjoni ta’ pakketti ta’ investimenti sostenibbli biex il-pajjiżi jkunu jistgħu jaħdmu fuq il-pjanijiet tagħhom,” qalet Miriam Dalli.
Dawn il- miżuri jistgħu jaċċelleraw it-tranżizzjoni lejn ekonomija li ma tniġġisx u ekosistemi b’saħħithom, permezz ta’ tixrid ta’ għarfien, skambju ta’ esperti u ħolqien ta’ sinerġiji biex iwasslu favur deċiżjonijiet ta’ investiment meħtieġ.
L-alleanza Ewropea hija inizjattiva ta’ Pascal Canfin, iċ-Chair tal-kumitat ambjentali tal-Parlament Ewropew.
“Il-kriżi tal-Coronavirus se twassal biex l-affarijiet ikunu differenti wara. Aħna qed nagħmlu l-għażla li nħaffu t-tranżizzjoni ekoloġika biex, meta jasal il-waqt li l-pajjiżi jerġgħu jinvestu fl-ekonomija, jagħmlu investiment f’industriji nodfa. Flimkien, għandna bżonn niġġieldu u nirbħu ż-żewġ kriżijiet: il-kriżi tal-Covid-19 u l-kriżi tal-Klima,” qal il-MPE Franċiż Pascal Canfin f’kummenti lill-midja Maltija.
L-alleanza tinkludi Ministri minn 11-il pajjiż mill-Italja sal-Lussemburgu, 79 MPE minn 17-il Stat Membru, 37 Kap Eżekuttiv – minn Jean-Paul Agon ta’ L’Oreal għal Jesper Brodin ta’ IKEA u Emmanuel Faber ta’ Danone – 28 assoċjazzjoni kummerċjali li jirrappreżentaw 10 setturi differenti, konfederazzjoni tat-trade unions li jirrappreżentaw membri minn 90 organizzazzjoni nazzjonali u 10 federazzjonijiet tat-trade unions, seba’ NGOs u sitt think tanks.