Fi żjara mill-Ministru għall-Ġustizzja, l-Ugwaljanza u l-Governanza, Edward Zammit Lewis, fl-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, irrikonoxxa l-ħidma mwettqa fl-aħħar ġimgħat mill-Avukat tal-Istat, Dr Victoria Buttigieg, u mill-avukati fl-istess Uffiċċju, kif ukoll mill-ħaddiema l-oħra kollha. Il-Ministru qal li matul dawn iċ-ċirkostanzi straordinarji li għaddej minnhom pajjiżna minħabba l-virus Coronavirus, ġew ippubblikati aktar minn 30 avviż legali jew ordni, biex tkompli tkun protetta l-ħajja tal-Maltin.
Irringrazzja wkoll lill-Avukat tal-Istat, bħala l-konsulent legali tal-Gvern b’mod sħiħ, għall-appoġġ li l-Uffiċċju tagħha ta bla waqfien lis-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika, Prof. Charmaine Gauci. L-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat għen ukoll entitajiet oħra biex bħala nazzjon, stajna nimxu ’l quddiem b’mod regolat u nieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa.
Il-Ministru Edward Zammit Lewis tenna wkoll l-importanza li l-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat jibqa’ jingħata aktar riżorsi u jissaħaħ għaliex f’mumenti bħal dawn tapprezza x-xogħol professjonali u effiċjenti mwettaq. Dr Zammit Lewis saħaq li għal dan il-gvern; saħħet il-Maltin u l-Għawdxin tiġi l-ewwel u qabel kollox.