Għall-festa ta’ Corpus, il-komunità tal-Pawlini fir-Rabat, taħt it-tmexxija tal-Kumitat tal-Festi Esterni, ħasbet li għad disa’ darba ttella’ infjurata biswit il-knisja Bażilika ta’ San Pawl.
Fl-okkażjoni tal-250 anniversarju tal-wasla tal-istatwa ta’ San Pawl fir-Rabat, jiddomina din l-infjurata fil-fatt, insibu lil Missierna San Pawl. Waqt li kienu għaddejjin l-aħħar irtokki fuqha, stajna ninnuttaw li waqt li kienet għaddejja ħidma sfieqa biex titlesta, kienu bosta li waqfu, fosthom turisti biex jaraw ix-xogħol.
Tkellimna ma’ Chris Calleja, li jieħu ħsieb li ssir din l-infjurata.
Qal, “Il-proċess nibdew ġimgħa, ġimgħa u nofs qabel, nibdew bil-materjal li mhux fjuri, imma materjal naturali bħar-ramel, peed, żrieragħ, u mbagħad fl-aħħar ġimgħa nibdew bil-fjuri friski. Dawn tagħmilhom fl-aħħar, minħabba li jinxfu għax dawn iridu jservu ħames t’ijiem. Dawn ma jkunux ġo l-ilma. Aħna nwaħħluhom bil-kolla. Ir-raġuni minħabba li rridu nġorruhom.”
Barra li kellimna dwar il-materjal li jintuża għal din l-infjurata, is-Sur Calleja spjegalna aktar dwar il-proċess u d-destin tagħha wara llum għal din l-infjurata.
Stqarr, “Din ma ssirx hawnhekk. Din issir taħt il-knisja, issir fuq l-injam biċċa, biċċa. Il-biċċa xogħol tagħha hija li minn taħt il-knisja rridu ntellgħuha biċċa biċċa hawn fuq, narmawha u nkomplu nżidu magħha hawn fuq u ma tieqafx hawn. X’ħin tkun lesta din tagħmel hawn sa nofsinhar, għall-pubbliku. Wara nofsinhar nerġgħu inġorruha kollha, inżarmawha biċċa biċċa u narmawha quddiem il-knisja. Nerġgħu nagħmlu l-istess proċedura, nerġgħu narmawha u nduruha bil-fjuri, biex filgħaxija waqt il-purċissjoni jgħaddi s-sagrament minn fuqha.”