Corinthia Hotels laħqu ftehim mal-UAE biex timmaniġġja resort lussuż f’Dubai. Dan huwa t-tieni proġett imħabbar mill-kumpanija hekk kif fil-ġimgħat li għaddew il-kumpanija Maltija ħabbret li xtrat Hotel Astria fiċ-ċentru ta’ Brussell bil-għan li tittrasformaha fl-aqwa lukanda tal-kapitali Belġjana.L-aħħar proġett se jara lil Corinthia bħala msieħeb strateġiku ma’ Meydan Group, kumpanija bbażata f’Dubai, biex timmaniġġja dan ir-resort fejn qabel kien hemm Meydan Beach Club. Il-binja, li se jkollha mal-300 kamra, sittin appartament lussuż imqassma f’55 sular, mistennija tiftaħ il-bibien tagħha fl-2019.
Id-direttur tal-bord tal-Meydan, Mohammed Al Shehhi, kien irrappurtat jgħid li “flimkien mal-Corinthia, il-kumpanija se tassigura l-aħjar servizz possibbli.” Min-naħa tiegħu, iċ-ċermen tal-Corinthia Alfred Pisani esprima s-sodisfazzjon tiegħu bl-assoċjazzjoni ma’ Meydan u l-ewwel lukanda ta’ Corinthia Hotel f’Dubai.