Il-Grupp Corinthia flimkien ma’ Dubai General Properties se jiżviluppaw proġett prestiġjuż ta’ lukanda u residenzi fiċ-ċentru ta’ Dubai.
Il-qofol ta’ dan il-proġett innovattiv se tku binja ta’ 102 sulari, li se jkun wieħed mill-ogħla bini fid-dinja, li jinsab fuq Sheikh Zayed Road, qrib il-Mużew futuristiku famuż ta’ Dubaj.

Il-proprjetà hija f’idejn Dubai General Properties LLC, li tispeċjalizza fi proġetti tal-propjetà immobbli fl-UAE, filwaqt li Corinthia Hotels se tipprovdi l-immaniġġjar u l-esperjenza tagħha biex tmexxi lukanda ta’ lussu li se tikkonsisti fi madwar 120 kamra. Corinthia se tipprovdi wkoll il-marka u s-servizzi għall-appartamenti residenzjali lussużi li se jkunu żviluppati fit-torrijiet.
Il-Grupp Corinthia fl-aħħar żmien fetaħ lukandi f’Brussell u New York, filwaqt li l-kumpanija ħabbret ukoll li daħlet f’sħubija mal-Action Real Estate Company ibbażata fil-Kuwajt biex tesplora opportunitajiet ta’ investiment f’lukandi u propjetajiet ta’ lussu f’lokazzjonijiet ewlenin fl-Ameriki u lil hinn.
Il-proġett ta’ Dubai se jkun fih il-Corinthia Dubai, lukanda ta’ ħames stilel, kif ukoll penthouses u appartamenti Corinthia b’servizz sħiħ, kull wieħed minnhom joffri veduti spettakolari u interjuri eleganti.
L-area mistennija tilħaq 330,000 metru kwadru, bil-bini joffru veduti mill-isbaħ tax-Sheikh Zayed Road, il-Burj Khalifa, il-Burj Al Arab u l-bajja ta’ Jumeirah. L-aqwa attrazzjoni se tkun l-ogħla pixxina fid-dinja, li tgħola ‘l fuq minn 500 metru b’veduti panoramiċi.
Għal din it-tħabbira kien hemm preżenti fost l-oħrajn, il-Kap Eżekuttiv ta’ Corinthia Group Simon Naudi, il-Kap Eżekuttiv ta’ Corinthia Hotels Simon Casson, il-Kap Eżekuttiv ta’ QP Reuben Xuereb u r-rappreżentant tal-kumpanija fl-UAE, Jassim Al Ali.