Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António Guterres saħaq li qed inħaffru l-oqbra tagħna stess.
B’diskors mimli passjoni, Guterres indirizza l-mexxejja ta’ bosta pajjiżi tad-dinja, inkluż lill-Prim Ministru Malti Robert Abela li jinsab preżenti għall-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti COP26 li trid tindirizza bis-serjetà l-isfidi tat-tibdil fil-klima.
“Il-vizzju tagħna li nużaw riżorsi mhux rinovabbli tefgħet l-umanità fit-tarf tat-tmiem”, saħaq Guterres li fisser li jew se nieqfu narmu l-emissjonijiet aħna jew inkella huma se jwaqqfu lilna.
Quddiem mexxejja bħall-President Amerikan Joe Biden, il-Kanċillier Ġermaniż Angela Merkel, il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-Prim Ministru Kanadiż Justin Trudeau, Guterres saħaq li rridu nieqfu nużaw in-natura bħala toilet.
Qabel Guterres tkellem ukoll il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson, li qed jilqa’ din il-konferenza fi Glasgow, fl-Iskozja.
Johnson saħaq li t-tfal li se jiġġudikaw x’se nagħmlu aħna għad-dinja għadhom ma twieldux.
Saħaq li għandna t-teknoloġija u l-finanzi biex inwettqu l-bidliet imma fuq kollox irid ikollna r-rieda biex inaqqsu l-emmissjonijiet.
Intant fil-Konferenza tkellmet ukoll tfajla t’24 sena li tgħix fl-Amażonja.
Qalet li fi tfulitha missierha kien jgħidilha biex tisma’ s-siġar itiru mar-riħ iżda llum lanqas annimali ma tisma’ jpassu.
Ara wkoll: