Tassew fil-kamra tal-aħbarijiet niltaqgħu ma’ kollox. Ma kinux għaddew 20 minuta mill-mument li tellajna l-aħbar li l-Ministru Konrad Mizzi se jiftaħ libell lil Jason Azzopardi, li ma ċempilx raġel minn Raħal Ġdid imbaqbaq. “Jason għandu raġun,” qalilna, “u ieqfu vvintaw.”
Spjegajnilu li l-allegazzjonijiet ta’ Jason Azzopardi huma serji u li Konrad Mizzi fetaħ libell. Iżda, deher konvint qalilna li anke l-Ġermanja qed iqajjmu l-każ ta’ Konrad. “Il-Ġermanja?” staqsejna. “Iva,” weġibna filwaqt li qalilna dwar nota li rċieva d-dar u fuqha hemm Conrad u numru Ġermaniz.
Fittxejna ftit u lanqas titwemmen x’ried ifisser. Kien qed jirreferi għall-kumpanija Conrad li tibgħat prodotti lejn Malta. Aħseb u ara kemm se jifhem x’inhu intermedjarju jew kemm jaf fejn hu l-Panama.