Il-ġellied tal-arti marzjali Conor McGregor jinsab f’baħar ta’ inkwiet wara li lbieraħ kien involut f’każ ta’ ġlied fil-Barclays Centre fi New York.
L-inċident seħħ wara li ġellied ieħor li mistenni jiġġieled fis-siegħat bikrin tal-Ħadd filgħodu, Khabib Nurmagomedov affronta u ta’ daqqa ta’ ħarta lill-ġellied Artem Lobov. Lobov huwa meqjus bħala wieħed mill-aqwa ħbieb ta’ McGregor u saħansitra jipprattikaw l-arti marzjali fl-istess gym.Meta ra dan huwa mifhum li McGregor qabad titjira għal New York sabiex jaffronta lill Nurmagomedov u jkun hemm għal sieħbu.
McGregor flimkien mat-team tiegħu laħqu lil Nurmagomedov ħiereġ mill-Barclays Centre flimkien ma ġellieda oħra u wara li l-istess Nurmagomedov ma’ ħariġx, McGregor flimkien ma’ sħabu waddbu diversi affarijiet lejn il-vettura li kien jinsab fiha Nurmagomedov.
B’kawża ta’ dan inkisru xi twieqi u weġġaw diversi ġellieda li kienu mistenniha jiġġieldu fi tmiem il-ġimgħa fosthom Michael Chiesa u Ray Borg.
Il-President tal-UFC, Dana White ikkundana dan l-att diżgustanti u ammetta li fl-istorja tal-UFC qatt ma’ kien hemm aġir bħal-dan.
Intant McGregor tkellem mal-Puluzija u ġie akkużat b’erba atti kriminali u mistenni jidher quddiem il-Qorti fi New York.
Intant f’dik li kellha tkun lejla bi tlettax-il ġlieda spiċċat biss b’għaxra minħabba dan l-inċident. Il-Kummisjoni Atletika tal-istat ta’ New York iddeċidiet li l-ġellieda kollha involuti b’xi mod jew ieħor f’dan l-inċident ma jieħdux sehem.
Artem Lobov mhux se jkun qed jiġġieled kontra Alex Caceres minħabba l-fatt li kien ma’ McGregor fil-ħin tal-inċident.
Michael Chiesa kontra Anthony Pettis mhux se issir minħabba li fl-inċident Chiesa ġarrab diversi ġrieħi f’wiċċu kawża tat-twieqi li nkissru.
Ray Borg kontra Brandon Moreno ukoll tħassret minħabba li Borg daħallu l-ħġieġ f’għajnejh.
Intant il-ġlieda prinċipali ta’ dan l-avveniment rat tibdil fil-parteċipanti tagħha. Il-ġlieda għaċ-ċinturin tal-155 libbra bejn Max Holloway u Khabib Nurmagomedov mhux se ssir hekk kif Holloway ma’ irnexxilux jniżżel il-piż tiegħu taħt is-sebgħin kilo.