“Ma nistgħux immorru għal logħba futbol bil-captain b’saqajh fil-ġibs”.
Din kienet id-dikjarazzjoni tad-deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia li trid tkun hi Kap tal-Oppożizzjoni flok Adrian Delia.
Fi programm fuq FLiving, Comodini Cachia stqarret li meta captain ta’ tim tal-futbol iweġġa’ jagħti l-faxxa tal-captain lil xi ħaddieħor.
“Aħna ma nixtiequx lill-Partit Nazzjonalista imur jilgħab logħba futbol bil-captain li għandu saqajh fil-ġibs. Kulħadd min jara logħba futbol jaf li captain li jkun imweġġa’, il-captain jagħti l-faxxa tiegħu lil xi ħadd ieħor. Ma tistax tilgħab logħba futbol bil-kaptan fil-grawnd jiġri b’saqajh fil-ġibs” qalet Comodini Cachia.
Madankollu kien biss ftit tal-ħin wara li Comodini Cachia sabet kappell jiġiha minn telespettatur. “Ma nistax naqbel, il-kaptan b’saqajh miksura jista’ jilgħab però ma jistax jilgħab bil-players mixtrijin jew inkella bil-players jilgħabu kontra l-Kap.” qal lil Comodini Cachia
Dan it-telespettatur ma kienx waħdu urtat lejn id-deputat li tinsab fuq quddiem biex tieħu post Delia.
Affaċjata b’dawn id-dikjarazzjonijiet Comodini Cachia rribattiet li l-ebda deputat ma jrid ineħħi l-vot tat-tesserati filwaqt li mhux minnu li hemm il-fazzjonijiet fid-Dar Ċentrali.
Saħansitra kompliet tattakka l-Kap għall-azzjonijiet dixxplinarji li ser jitieħdu mill-Partit Nazzjonalista fil-konfront tal-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista.
“Jien għaliha ġenn li titkellem kontra ż-żgħażagħ tal-Partit Nazzjonalista.” tenniet Comodini Cachia
Comodini Cachia ħaditha wkoll kontra dawk li fl-aħħar ġimgħat infexxew f’tgħajjir fil-konfront tagħha u ta’ dawk li sfiduċjaw lill-Kap.
“Aħna għaddejna ħmistax bħala deputati min jgħajjarna l-iżjed bir-razza u r-radika kollha. Sa kummenti li jien għandi mmur Testaferrata Street.”
“sfortunatament tgħajjir li ma sarx biss u minn nies li lanqas biss għandhom tessera. Sfortunatament sar minn nies li ejja ngħidu suppost jafu aħjar għax għandhom ċertu pożizzjoni il-Partit.
Madankollu telespettatriċi oħra dlonk reġgħet irribattiet għal dawn il-kummenti minn Comodini Cachia.