Therese Comodini Cachia ddikjarat li ser tkun qed tikkontesta l-elezzjoni li jmiss għal Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Qalet dan il-gazzetta Business Today hekk kif kwotat sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali li qalu li Comodini Cachia hija l-unika kandidata mir-ribelli li ddikjarat l-intenzjoni tagħha li titfa’ isimha għal din it-tellieqa.
Dan b’differenza għal kandidati prospettivi oħra li qed jissemmew u li jinkludu fost oħrajn lil Roberta Metsola, Bernard Grech u Mark Anthony Sammut.
Sorsi fi ħdan id-Dar Ċentrali qalu wkoll li Therese Comodini Cachia urtat ruħha mhux ftit wara li ntużat u twarrbet mid-deputati li jridu jisfiduċjaw lil Delia.
Ftit tal-ġimgħat ilu sittax-il deputat Nazzjonalista li ħafna minnhom jagħmlu parti mill-fazzjoni tal-eks Kap Simon Busuttil, innominaw lil Therese Comodini Cachia mal-President tar-Repubblika George Vella sabiex tkun hi l-Kap tal-Oppożizzjoni.
Madankollu fl-aħħar jiem deher biċ-ċar kif Therese Comodini Cachia twarrbet mill-istess deputati li nnominawha hekk kif l-intenzjoni tagħhom hija li jingħaqdu wara kandidat wieħed.
Fl-aħħar ħarġa tagħha, il-gazzetta Kullħadd irrapurtat ukoll kif sorsi qrib il-fazzjoni Busuttil qalu li f’dawn l-aħħar ġimgħat Therese Comodini Cachia ma impressjonatx wisq waqt id-dibattiti televiżivi, il-kummenti li tat lill-ġurnalisti u anke fl-istħarriġ tal-opinjoni pubblika fejn ġiet imqabbla ma’ Delia.
Dawn il-wirjiet negattivi rrifflettew li Comodini Cachia m’għandhiex l-istoffa biżżejjed biex tkun Kap tal-Partit Nazzjonalista. Fil-fatt fl-aħħar ġimagħtejn il-moral ta’ Comodini Cachia niżel ikaxkar mal-art u ġie rappurtat li ħassitha mgħassra bħal-lumija.
Fid-dawl ta’ dan fuq quddiem tal-għażla tal-fazzjoni Busuttil hemm Roberta Metsola u Bernard Grech.
Din is-sitwazzjoni hu mifhum li qed tkompli toħloq pressjoni kbira fuq il-fazzjoni Busuttil hekk kif wara li użat u tefgħet mal-ġenb lil Comodini Cachia, issa qed issibha bi tqila sabiex issib isem wieħed li lest itellaq kontra l-Kap Adrian Delia, li diġà qal li se joħroġ għall-elezzjoni tal-Kap Nazzjonalista.