Wara li għal diversi drabi d-deputata Nazzjonalista Claudette Buttigieg żbaljat għal diversi drabi fatti b’rabta mas-settur tas-saħħa, issa kien imiss l-Ewroparlamentari Nazzjonalista Therese Commodini Cachia ma ġabitx fatti bażiċi tajbin dwar l-investimenti fil-qasam tas-saħħa.
Il-Ministeru għas-Saħħa saħaq li l-private-public partnership bejn il-Gvern u Vitalis Global Healthcare, li jsarraf f’investiment ta’ €210 miljun, jinkludi xogħlijiet fl-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech, l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u l-bini tal-iskola medika Barts f’Għawdex ukoll iżda l-investiment privat għall-isptar fi Smart City m’għandu x’jaqsam xejn ma’ dan kollu.
Dan kontra dak li ngħata x’jinftiehem f’artiklu f’The Times li fost l-oħrajn irrapporta dak li qalet l-Commodini Cachia.
Comodini Cachia ġie rrappurtat li qalet ukoll li bħala l-kelliema tal-Oppożizzjoni għall-edukazzjoni qed iżżomm ruħha infurmata dwar l-iżvilupp tal-iskola medika ta’ Barts, iżda tant qed iżżomm ruħha aġġornata li ħawdet il-fatti kollha. Fil-fatt qalet li x-xogħol f’Għawdex għadu ma bediex, u li l-ewwel studenti mistennija jidħlu din is-sena.
“Il-verità hi li f’Għawdex diġà beda x-xogħol fuq il-pedamenti tal-bini tal-iskola medika, u kif ġie rrappurtat diversi drabi, l-ewwel kors f’Għawdex se jibda f’Settembru tal-2017,” stqarr il-Ministeru fi stqarrija.
Intqal ukoll li ħafna mit-taħriġ neċessarju għall-istudenti tal-mediċina ta’ Barts, kif ġie spjegat ħafna drabi, se jsir fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex u fl-Isptar San Luqa.
Jista’ jkun ukoll li Comodini Cachia ma segwietx mill-qrib il-ftehim li ġie ffirmat xhur ilu bejn l-Università ta’ Malta u d-Dipartiment tas-Saħħa, dwar kif l-iskola medika ta’ Barts, l-Università ta’ Malta u l-Isptar Mater Dei jistgħu jikkollaboraw flimkien.