Id-deputat Nazzjonalista u l-magħżula fost il-fazzjoni Busuttil biex tkun Kap tal-Oppożizzjoni, Therese Comodini Cachia qalet li f’dawn l-aħħar jiem, il-grupp ta’ warajha kontra Adrian Delia, irnexxielu jagħti tama u teżisti għaqda bejniethom li ma kellhomx qabel.
Hija qalet: “It-tama illi rnexxielna f’dawn l-aħħar erbat ijiem nagħtu lin-nies u anki l-kuraġġ li aħna bejnietna ingħaqdna b’ċertu unità u għaqda li ma kellniex għal diversi xhur, dik qed tkompli tikkoraġġina u tagħtina ħafna iżjed ħerqa u ħeġġa biex inkomplu iva nindirizzaw din is-sitwazzjoni.”
Mal-Maltatoday, Comodini Cachia qalet li ma taqbilx mad-deċiżjoni tal-President tar-Repubblika li ma jpoġġix lilha Kap tal-Oppożizzjoni.
Hija kompliet tgħid: “Il-President ikkonferma li għat-tieni darba din il-ġimgħa Adrian Delia tilef il-fiduċja tal-grupp parlamentari. Ikkonferma li jien ingawdi l-fiduċja tal-grupp parlamentari.”
Comodini Cachia qalet li l-passi li jmiss huma li dawk li jridu jsiru fl-istrutturi tal-partit u se tħalli l-għażliet kollha miftuħa.
Dan f’tentattiv li ta’ Busuttil jippruvaw issa jqarftu ‘l barra lil Delia minn kap tal-Partit Nazzjonalista u jieħdu r-riedni tal-partit tal-maduma.