Id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia ħarġet tattakka qatta’ bla ħabel lid-Deputat ieħor Nazzjonalista u eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia.
Dan fuq l-eżami li Delia għamel fil-Qorti lill-editur tal-Lovin Malta b’rabta mal-libell li fetaħ Delia kontra s-sit li fuqu għad għandu kontroll enormi l-istrateġista tal-Kap Bernard Grech, Chris Peregin.
Fuq twitter Comodini Cachia, li ilha bit-tikketta ma’ Delia tant li riedet tieħodlu postu bħala Kap tal-Oppożizzjoni, qalet li dak li għamel Delia fil-Qorti mal-Lovin Malta kien surreali u dak li sejħet bħala ‘poor taste’.
Permezz tal-kitba tagħha, Comodini Cachia implikat li Delia bħala Membru Parlamentari spiċċa jattakka l-libertà tal-istampa.
Comodini Cachia, li fl-eqqel tal-ġlieda biex Delia jitkeċċa minn Kap, tant li sfiduċjatu u marret għand il-President ta’ Malta biex tkun hi Kap tal-Oppożizzjoni, kienet għajret lil Delia bħala captain tal-futbol b’saqajh fil-ġibs.
Din mhux l-ewwel darba li Comodini Cachia ddefendiet lil-Lovin Malta fil-kawża ta’ libell li fetaħ Delia u attakkat anki lill-eks Kap Nazzjonalista.
Is-sajf li għadda Comodini Cachia wieġbet lil Delia taħt kitba li fiha l-eks Kap Nazzjonalista kien ħabbar li fetaħ il-kawża ta’ libell kontra s-sit imsemmi.
Fil-kumment tagħha, Comodini Cachia kienet ikkundannat l-aġir ta’ Delia u sejħitlu bħala attakk fuq il-midja.
Il-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Bernard Grech baqa’ qatt ma ħareġ jiddefendi lil Adrian Delia fuq il-kawża ta’ libell li fetaħ wara li l-Lovin Malta rrappurtat li Delia kien f’komunikazzjoni mal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech, waqt dibattitu parlamentari wara li sar magħruf li Fenech huwa s-sid tal-kumpanija 17 Black.
Delia kien ċaħad dawn l-akkużi u fil-kontro-eżami mal-editur tal-Lovin Malta, Julian Bonnici ħareġ li Bonnici ma rax il-messaġġ propja li jissemma fl-artiklu.
L-editur tal-Lovin Malta qal li huwa ra ritratt tal-messaġġ mibgħut.
Għas-sit Lovin Malta qed jidher l-Avukat Andrew Borg Cardona magħruf bħala l-‘Boċċa’.
Il-ġlieda bejn Delia u l-Lovin Malta hi xhieda oħra tal-qasma fil-Partit Nazzjonalista hekk kif l-attakk li fetaħ libell dwaru Delia sar ftit wara li Chris Peregin ingħaqad fil-Partit Nazzjonalista biex ikun strateġista tal-Kap Bernard Grech.
Fl-istadju bikri tal-proċeduri fil-Qorti bejn Delia u tal-Lovin Malta kien inqala’ intopp għaliex tal-Lovin Malta ma kinux dehru f’seduta.
“Ma marrux jiġbru l-posta reġistrata biex ma jiġux il-Qorti. Biex flok toħrog il-verità jibqgħu jitfgħu t-tajn. Dik serjetà!”, kien qal Adrian Delia.
Skont sostenituri ta’ Delia, it-tajn ġej minn dawk il-kwartieri fil-Partit Nazzjonalista li għandhom kuntatti sew mas-sit li Peregin ta’ Bernard Grech għad għandu l-maġġoranza tal-ishma fih u b’hekk huwa s-sid ewlieni tiegħu.