L-iskema Community Greening Grant, investiment fi proġetti ħodor fil-qalba tal-komunitajiet Maltin u Għawdxin, ingħalqet b’suċċess b’72 applikazzjoni minn diversi għaqdiet u kunsilli lokali.
Dan ħabbru l-Kap Eżekuttiv tal-aġenzija Project Green Steve Ellul fil-programm Sibt il-Punt fuq ONE Radio.
Ellul qal, “Nedejna skema ta’ għaxar miljun ewro li għedna lin-nies, lill-kunsilli lokali, tagħna, lill-għaqdiet tal-volontarjat għidulna xi tridu fil-lokalitajiet tagħkom fejn jgħixu n-nies u fejn jaħdmu n-nies imbagħad ħallu f’idejna. Illum qiegħed hawnhekk u nista’ ngħidlek ħa ntik scoop żgħira. L-iskema għalqet u rċievejna xejn inqas minn tnejn u sebgħin applikazzjoni, 72 xewqa tal-kunsilli lokali, tal-għaqdiet tal-volontarjat, ħadt pjaċir nara għaqdiet tal-baned pereżempju, għaqdiet tal-isport li jaħdmu fil-lokalitajiet tagħna u jgħidulna isma hawn din l-area hawnhekk ejja nagħmluha ġnien sabiħ jew inkella għandna dan il-ġnien forsi ntelaq il-potenzjal tiegħu ejja nsebħuh ħafna iktar. ”
Din l-iskema li tnediet f’Jannar li għadda b’investiment ta’ għaxar miljun ewro, tagħmel parti mill-ikbar proġett ambjentali li qatt ra pajjiżna.
L-għan ta’ dan l-akbar fond immirat lejn il-kunsilli lokali, l-iskejjel, iċ-ċentri soċjali, u l-għaqdiet volontarji huwa li jinħolqu spazji ħodor ġodda u li ssir riġenerazzjoni ta’ żoni oħra li diġà jeżistu sabiex dawn jitgawdew min-nies.
Waqt Sibt il-Punt, Steve Ellul tenna li rridu fil-prattika nkomplu naraw li nkomplu natu spazji miftuħa lill-Maltin u Għawdxin.
Fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed jitħabbru il-proġetti li ntagħżlu minn dawn l-applikazzjonijiet.
Steve Ellul, ħabbar ukoll li fil-jiem li ġejjin se jkunu qed jitniedu żewġ spazji ġodda wieħed f’Birżebbuġa u ieħor ’Ta Qali.
Hu stqarr, “Fil-ħmistax li ġejjin se nkunu qed inniedu spazji ġodda, wieħed minnhom fin-naħa t’isfel tal-pajjiż,fin-naħa forsi l-iktar industrijalizzata tal-pajjiż, Birżebbuġa. Hemm għandna xewqa li natu wieħed mill-ikbar spazji miftuħa lin-nies tan-naħa t’isfel li ilhom jistennewh dan il-proġett u filfatt kif dħalt mal-ewwel ġurnata Project Green għamilta ċara ħafna li dan il-proġett irid jitlaq fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena u ħa nkunu qed intelquh qabel l-ewwel tliet xhur. Ħa nkunu qed inniedu proġett ieħor din il-ġimgħa stess ta’ spazju li kien jintuża diġa bħala dog park imma meta mort hemmhekk rajt li hemm bżonn li dawn l-ispazji, jkunu spazji ta’ kwalità.”