Fl-MFCC f’Ta’ Qali, saret edizzjoni oħra tal-Comic Con, wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija.
Fl-aħħar jumejn, kienu bosta fanatiċi tal-comics, li rħewlha lejn it-tinda tal-MFCC, saħansitra lebsin kostumi tal-karattri favoriti tagħhom.
Tkellimna mal-organizzaturi dwar l-iskop ta’ dan l-avveniment u kif kien imqassam.
Qal, “Comic Con hija speċi ta’ gathering għal min iħobb l-affarijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ pop culture, science fiction, anime, manga, gaming, anything you can imagine li għandu x’jaqsam ma’ dal-affarijiet.”
Qalet, “Għamilna weekend għall-familja kollha, għamilna bosta esebizzjonijiet. Għandek artisti barranin u artisti lokali, għandna workshops għat-tfal, gaming tournaments, kif ukoll talks, quizes fuq l-istage u wkoll il-cosplay competition li tattira lil dawk kollha li jħobbu jilbsu ta’ karattri differenti.”
Dan l-istazzjon żar il-Comic Con il-Ħadd waranofsinhar, fejn kien hemm bosta persuni li qattgħu l-jum f’ambjent tant għal qalbhom.
Dan l-avveniment sar fuq medda ta’ jumejn u ġie fi tmiemu l-Ħadd filgħaxija.