Il-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca qed tikkunsidra li tieħu passi legali kontra s-sit LovinMalta wara li ħassitha inġurjata b’artiklu li deher fuq is-sit li semma lill-eks President ta’ Malta waqt żviluppi li kienu għaddejjin fil-Partit Nazzjonalista mmexxi minn Adrian Delia.
L-artiklu tal-LovinMalta jsemmi lil dak iż-żmien il-Kap tal-midja Nazzjonalista Pierre Portelli, li allegatament pprova joħroġ storja bl-involviment ta’ Yorgen Fenech, li tgħid li deputati Nazzjonalisti kienu qed imorru għand il-President Coleiro Preca biex Delia jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.
Fi stqarrija Coleiro Preca qalet li din hi akkuża serja ħafna għaliex tagħti l-impressjoni li hi abbużat mir-responsabiltajiet Kostituzzjonali tagħha biex timmina kariga Kostituzzjonali oħra.
Sostniet li dan jista’ jħassar ir-reputazzjoni tagħha u tal-uffiċċju tal-Kap tal-Istat Malti, li hi tant ħadmet fih bi kburija u b’korrettezza.
Marie-Louise Coleiro Preca qalet li s-sit LovinMalta ma kellux id-diċenza li jsaqsiha għal reazzjoni jew biex tagħti kumment qabel ma ġie ppubblikat l-artiklu.
Qalet li hija kkuntatjat lill-fundatur tal-LovinMalta, is-Sur Christian Peregin, iżda l-pożizzjoni tagħha ġiet injorata.
Coleiro Preca sejħet l-azzjonijiet tas-sit, li jsejjaħ lilu nnifsu bħala indipendenti, bħala mhux etiċi u li ma jħallulha l-ebda triq oħra ħlief li tieħu parir legali u żżomm id-dritt li tfittex lil-LovinMalta fuq dik li sejħitilha bħala gidba sfaċċata.