Tlett iklieb tas-servizz jinsabu fl-aħħar fażi tat-taħriġ tagħhom biex b’hekk kif jigradwaw jingħaqdu ma’ persuni bl-awtiżmu.
Dawn it-tlett iklieb qegħdin jiġu mħarrġa biex jgħinu lit-tfal bl-awtiżmu fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum, per eżempju billi jkunu ta’ wens f’sitwazzjonijiet li t-tfal isibuhom diffiċli. Cole, Honey u Sasha huma tlett iklieb tar-razza labrador, fejn it-tlieta li huma ġew assenjati ma’ familja li għandha persuna bl-awtiżmu u jinsabu fl-aħħar fażi tal-programm ta’ taħriġ immexxi mis-Service Dogs Malta Foundation. It-taħriġ ingħata mis-Sur Robert Spiteri.
Fi żjara waqt sessjoni ta’ taħriġ, il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Kwalità tal-Ħajja Julia Farrugia Portelli faħħret ix-xogħol fis-skiet li jsir minn din il-fondazzjoni u semmiet kif jeħtieġ li titqajjem iżjed kuxjenza dwar il-klieb tas-servizz, bħal per eżempju li wieħed m’għandux imelles kelb meta dan ikun liebes il-harness ħamra bil-kliem ‘service dog’.
Bħalissa, hemm sebat iklieb isegwu dan il-programm u żewġt iklieb oħra li qed jiġu mħarrġa biex jgħinu nies bid-dijabete. Suzy hi l-iżgħar kelba fil-programm u l-ħiliet tagħha għadhom qed jiġu skoperti.
Meta l-klieb jikkwalifikaw bħala klieb ta’ servizz, huma jingħataw lill-familji għal dejjem. Bil-liġi, klieb tas-servizz jistgħu jmorru kullimkien mal-handler tagħhom, inkluż ġo ħwienet u supermarkets, ristoranti, postijiet tax-xogħol u fuq trasport pubbliku. Bħalissa, hemm tmint iklieb ikkwalifikati bħala klieb tas-servizz mill-fondazzjoni.
Preżenti għal dan it-taħriġ kien hemm ukoll is-Sur Joseph Stafrace li hu l-Operations Manager tal-fondazzjoni, kif ukoll is-Sinjura Joanne Cremona.
Min jixtieq isir jaf aktar dwar dawn il-klieb, japplika għal wieħed, jgħin volontarjament jew jagħti xi donazzjoni, jista’ jikkuntatja lis-Service Dogs Malta Foundation.