Il-kantant tal-band Coldplay, Chris Martin, interpreta kanzunetti tal-kantanta Taylor Swift fi Vjenna, wara li din kellha tħassar il-kunċerti tagħha fi Vjenna stess.
Nhar l-Erbgħa, il-band, taw bidu għal sensiela ta’ erba’ kunċerti f’Ernst Happel Stadium, fejn ġiet interpretata l-kanzunetta ta’ Swift, Love Story.
Barra minn hekk, Chris Martin, stieden żewġ ammiraturi ta’ Swift, sabiex jingħaqdu miegħu fuq il-palk.
Huwa qal li qed ikanta l-kanzunetta, b’imħabba lejn Swift u l-ammiraturi tagħha.
Coldplay huma l-ewwel band li tellgħu kunċert f’dan l-istadium, minn meta Taylor Swift kellha tħassar tliet kunċerti fi Vjenna, aktar kmieni dan ix-xahar, hekk kif l-awtoritajiet, b’ħidma f’waqtha, waqqfu attakk terroristiku li kien se jsir waqt dawn il-kunċerti.