Biex jintogħġob ma’ ta’ kontrih, Adrian Delia qed jispiċċa jitlef l-alleati tiegħu. Dan hekk kif fid-Dar Ċentrali qed iċċaqċaq li anki Clyde Puli qed jaħsibha li jabbanduna t-tmexxija u jitlaq minn Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Dan fl-istess ġimgħa li Jean Pierre Debono – wieħed mill-aktar uffiċjali importanti tal-Partit – irriżenja minn kordinatur politiku.
Irrapportat dwar dan il-gazzetta KullĦadd, li nnutat kif it-terminu ta’ Clyde Puli se jiskadi ftit ġimgħat oħra, u jrid joqgħod għal vot intern fil-Partit Nazzjonalista biex ikun ikkonfermat.
Vot li Puli nnifsu huwa konxju li jaf ma jirbħux, anki fid-dawl tal-kritika enormi li dabbar wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, meta ħafna xeħtu fuqu t-tort tat-telfa.
Fost l-argumenti li hemm min qed iġib kontra Puli hemm dak li s-Segretarju Ġenerali m’għandux ikun Deputat Parlamentari, biex jikkonċentra għalkollox fuq l-operat tal-partit.
Li Clyde Puli qed jaħsibha huwa sigriet magħruf fost bosta membri tal-Grupp Parlamentari, li fosthom kien hemm min saħaq li Adrian Delia ftit li xejn qed jagħmel biex jikkonvinċih mod ieħor, għax jemmen li jekk jeħles minn dawk li attakkaw il-fazzjoni ta’ Busuttil, iġib ftit paċi fil-Partit.
Iżda dawk li jafu sew kif jaħdmu l-affarijiet qed isostnu li mal-mument li lil Delia jsibuh aktar dgħajjef, se jerġgħu jattakkawh, għax biex Delia salva l-vot t’Awwissu kellu bżonn bil-kbir l-għajnuna ta’ nies bħal Clyde Puli u Jean Pierre Debono.
Jean Pierre Debono rriżenja mill-irwoli li kellu fl-istamperija, u għalkemm pubblikament m’esprimiex id-dwejjaq tiegħu, baqa’ urtat għall-mod kif wara li ċeda s-siġġu lil Delia biex seta’ ħa postu fil-Parlament, baqa’ jiġi mitlub jagħmel sagrifiċċju wara l-ieħor biex il-Kap jipprova jintogħġob mal-klikka ta’ Jason Azzopardi, Beppe Fenech Adami u l-oħrajn.
Sorsi fl-istamperija qalu mal-KullĦadd li laqgħa bejn Jean Pierre Debono u Claudio Grech sigħat qabel tħabbret ir-riżenja tal-istess Debono, qajmet ħafna mistoqsijiet dwar xi rwol qed jieħdu nies bħal Claudio Grech li pubblikament ftit li xejn jikkummentaw.
Iżda l-messaġġ ewlieni li qed joħroġ hu dak li Delia qed jitlef lil ta’ madwaru biex jipprova jpaxxi lil ta’ kontrih.