Id-dejn li għandu l-Partit Nazzjonalista ilaħħaq miljuni kbar.
Dan ikkonfermah Clyde Puli li tenna kif l-interessi ta’ mijiet ta’ eluf huma mażżra ma’ saqajn il-Partit Nazzjonalista.
Il-ġurnalist saqsa lil Puli, “Mela kemm hu d-dejn fil-Partit Nazzjonalista? 25 miljun veru d-dejn?”
Puli wieġeb, “Kbir. Kbir. Li nista’ ngħidlek li d-dejn huwa kbir, huwa ta’ miljuni kbar u hemm interessi għax mhux dik l-agħar, interessi ta’ mijiet ta’ eluf fis-sena mela allura dak id-dejn jew aħjar dawk l-interessi huma mażżra ma’ saqajk.”
“Jiġifieri ma’ tiċħadx li l-PN għandu dejn ta’ 25 miljun?” Reġa’ saqsa l-ġurnalist.
“Għandu dejn ta’ miljuni kbar.” Reġa’ wieġeb Puli.
Il-MaltaToday irrapurtat dwar id-dejn u l-kriżi li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
Fost l-oħrajn semmiet l-iskema sigrieta taċ-ċedoli li kienet saret taħt it-tmexxija ta’ Simon Busuttil biex l-Partit Nazzjonalista jkun jista’ jdaħħal il-flus mingħajr ma jagħti rendikont u jgħaddi baxx baxx mill-iskrutinju tal-liġi tal-finanzjament tal-partiti.
Intant Puli u l-fazzjoni ta’ Delia qed ikomplu ripetutament ifakkru li mit-tmexxija ta’ Simon Busuttil wirtu sitwazzjoni finanzjarja ħażina.
Puli stqarr, “Xi ħadd iddeċieda li jiddejjen fuq numru ta’ każini. Xi ħadd iddeċieda li jagħmel trust. Xi ħadd iddeċieda li dawn il-każini fil-fatt jieħu l-flus kontrihom. Biex toħodhom lura trid tħallashom. Mela biegħhom ta’ qabli dawn il-każini u niffirmahom jien. Kienu mibgħuhin qabel, kienu bil-konvenji qabel, kienu qegħdin f’din l-imbierka trust qabel.”
Dawn il-battuti minn Puli segwew dawk ta’ Robert Arrigo li fl-ittra tar-riżenja tiegħu minn Viċi-Kap semma s-sitwazzjoni finanzjarja mwergħa tal-Partit fl-istamperija.
Arrigo kiteb li meta daħal fil-kariga sab li l-irħam ordnat mill-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Joe Saliba kien għadu ma tħallasx u wisq anqas il-kontijiet tal-elezzjoni ġenerali tal-elfejn u tmienja.
Spjega wkoll li l-liċenzji tax-xandir kienu ilhom ħames snin ma jitħallsu.