Id-deputat Nazzjonalista Clyde Puli rriżenja minn Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista.
Ir-riżenja tiegħu waslet l-għada li Robert Arrigo rriżenja minn Viċi Kap Nazzjonalista u Kristy Debono minn President tal-Kunsill Ġenerali.
F’ittra li bagħat lill-Kap Adrian Delia, Puli kiteb fit-tul dwar dak li sejjaħlu tifrik fil-Partit Nazzjonalista.
“Ma pretendejtx għajnuna iżda l-anqas pretendejt min ma’ kull pass li tagħmel ‘l quddiem jagħtik gambetta u wara daqqa ta’ sieq fl-għaksa biex wara jkun jista’ jakkużak li m’intix tiġri biżżejjed”, saħaq Clyde Puli b’referenza ċara għad-deputati tal-fazzjoni ta’ Simon Busuttil.
F’dik deskritta bħala battuta oħra f’partit maqsum bejn żewġ fazzjonijiet, Puli qal li kellu ħafna firefighting li ħlielu l-ħin.
Clyde Puli wera l-għadab tiegħu għal-leakages selettivi u kontinwi fil-grupp parlamentari u qal li dawn tellfu ħafna mis-serenità tad-diskussjonijiet. Saħaq li tul is-snin li dam fil-kariga kien hemm tgħawwiġ tal-fatti u qlajjiet malinni li ma ħolqu xejn ħliet it-tifrik ta’ partit kbir.
Tkellem dwar dak li sejjaħ sense of entitlement ta’ xi wħud u l-filosifija tagħhom li jekk ma jilagħbux, iħassru.
Qal li l-problemi fil-Partit Nazzjonalista huma diversi u fisser bħala ħasra li r-rapport tat-telfa tal-2013 baqa’ fuq l-ixkaffa u fl-2017 ma sarx rapport tat-telfa.
Clyde Puli qal li ta saħħtu biex il-partit jinqala’ mis-sitwazzjoni li kien fiha fl-2017 u stqarr li dakinhar, ftit kienu l-politiċi li ġew ‘l quddiem biex iservu fis-siegħa tal-bżonn.
Dwar il-qagħda finanzjarja tal-Partit, Puli qal li din hija waħda prekarja, b’miljuni kbar ta’ djun akkumulati matul is-snin u mijiet ta’ eluf ta’ mgħaxxijiet fis-sena.
Fuq kollox semma numru ta’ deputati u ċirku ieħor ta’ nies li baqgħu qatt ma aċċettaw ir-riżultat demokratiku li bih Adrian Delia ġiet eltt u kkonfermat Kap tal-Partit.
Clyde Puli attakka wkoll lil Louis Galea li l-Ħamis talab li tinbidel it-tmexxija tal-partit.
Qal li t-tibdil fl-istatut ma jsolvix dawn l-isfidi u wisq anqas issolvihom xi bidla fl-isem tal-Partit.