F’laqgħa li l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri kellu maż-żewġ kuntistabbli, Clive Mallia u Aidan Demicoli, li fil-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd sfaw aggrediti fil-Ħamrun, tenna l-impenn tal-Gvern li jsaħħaħ il-liġijiet fejn tidħol vjolenza fuq pulizija u uffiċjali pubbliċi.
Dan bl-għan li mhux biss il-forzi tal-ordni jiġu dejjem aktar rispettati waqt il-qadi ta’ dmirijiethom, iżda anke biex ikomplu jiġu msaħħa d-drittijiet tagħhom. Drittijiet li l-Gvern għandu għal qalbu u tant investa fihom. Dan apparti li l-Gvern kompla jinvesti fil-kundizzjonijiet u t-taħriġ, kif ukoll fit-tagħmir li l-forzi tal-ordni jużaw ta’ kuljum.
Il-Ministru Byron Camilleri, akkumpanjat mid-Deputat Kummissarju Kenneth Haber u mid-Deputat Kummissarju Sandro Gatt, sostna li l-Gvern se jibqa’ jkun ta’ appoġġ għalihom u għall-uffiċjali kollha tal-Pulizija.
Huwa kkundanna għal darb’oħra aġir bħal dan u appella għal aktar rispett lejn il-forzi tal-ordni, b’dan għandu jkun ukoll rifless fid-deċiżjonijiet tal-Qorti.