Bħal dawk ta’ qablu taħt Gvernijiet Laburisti, il-Baġit għas-sena d-dieħla, li se jiġi ppreżentat f’inqas minn tliet xhur oħra, mhu se jkollu l-ebda taxxa ġdida u mhux se jżid xi rati ta’ dawk eżistenti.
L-aħbar ingħatat mill-Ministru responsabbli għall-Finanzi, Clyde Caruana, li waqt li kien qed jieħu sehem fil-programm ‘Temi’ bi preżentazzjoni ta’ Nigel Vella fuq ONE Radio, spjega li, bħal baġits preċedenti taħt Gvernijiet Laburisti, mhux se jintefgħu piżijiet addizzjonali fuq il-poplu Malti u Għawdxi.
Dwar dan, Caruana spjega li ħafna mill-miżuri li se jkunu qed jitħabbru fil-Baġit għall-elfejn ħamsa u għoxrin diġà ġew deċiżi. Hawn stqarr li dawn il-miżuri saru wara li kien hemm laqgħat intensivi dwarhom u ntlaħaq qbil dwar l-ammonti finanzjarji. Tali miżuri wkoll joħorġu mill-manifest elettorali tal-Gvern.
Il-Ministru spjega li, bir-regolamenti l-ġodda tal-Kummissjoni Ewropea, pajjiżna jrid jibgħat il-kalkoli baġitarji tiegħu lil Brussell sal-20 ta’ Settembru li ġej, iżda mhux biss.
“Irridu nispjegaw lill-Kummissjoni Ewropea kif se nkunu qed innaqqsu d-defiċit tagħna, li, minkejja kollox, però xorta waħda nista’ ngħid minn qabel, mhux qiegħed ngħid l-ebda aħbar, għax issa din ilha aħbar minn sena għall-oħra. Ħa nkunu qed innaqqsu d-defiċit b’żero punt ħamsa fil-mija, lanqas ħadd ma jkun qed jinduna għax l-ekonomija se tkompli tikber. Dan għax se nkunu qed indaħħlu aktar dħul minħabba li nkunu għaqlin fl-ispiża. Nista’ ngħid minn issa, li iva mhu se nagħmlu l-ebda taxxa, mhu se nżidu l-ebda taxxa, anzi se jkun baġit tajjeb, baġit kemmxejn aħjar minn dak tas-sena l-oħra (għall-2024).”
Mistoqsi dwar kif jitqassmu l-finanzi bejn il-Ministeri differenti, il-Ministru Caruana spjega li l-infiq bejn il-Ministeri qiegħed isir bil-għaqal biex kollox isir f’ħinu u f’waqtu.
Hawn spjega li l-Ministeru għas-Saħħa hu l-aktar ministeru li jagħtih uġigħ ta’ ras, minħabba l-iżviluppi ewlenin li kien hemm fil-mediċini, li huma bżonnjużi għall-Maltin, iżda kulma jmur dejjem qegħdin jogħlew fil-prezz tagħhom.
“Dan il-Gvern, lill-anzjani, pereżempju, ma jagħtihomx biss l-għoli tal-ħajja. Mela ejjew naraw kif kienu l-affarijiet qabel tela’ dan il-Gvern. Kienu jingħataw żewġ terzi tal-għoli tal-ħajja, lanqas l-għoli tal-ħajja kollu. Dan il-Gvern jagħti l-għoli tal-ħajja kollha sħiħa, anzi rajna li mhux nagħtu xi ħaġa oħra wkoll, jiġifieri minn żewġ terzi, għoli tal-ħajja sħiħa u nagħtu fuqha wkoll.”
Dwar id-dħul tal-Gvern, il-Ministru għall-Finanzi spjega li dan baqa’ jkun b’saħħtu u rrefera għall-ħidma li qed jagħmel id-Dipartiment tat-Taxxi, bil-Gvern jiġbor dak li hu dovut lilu fil-ħin.
Fil-programm, il-Ministru Caruana wkoll wieġeb mistoqsijiet mis-semmiegħa dwar diversi temi taħt id-dekasteru tiegħu.