Fl-aħħar laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, l-MCESD, saret analiżi dettaljata ta’ qabel il-baġit bejn l-imsieħba soċjali u l-Ministru għall-Finanzi Clyde Caruana.
Minbarra preżentazzjoni mill-ekonomista Gordon Cordina, il-Ministru Caruana spjega li l-Gvern se jkun qed iressaq il-pjan fiskali tiegħu sal-20 ta’ dan ix-xahar. Hu qal li, minkejja l-konsolidazzjoni fiskali li se twassal għal inqas defiċit u piż tad-dejn, fil-baġit tax-xahar id-dieħel, il-Gvern xorta se jkun f’pożizzjoni li jnaqqas it-taxxi, kif imwiegħed mill-Prim Ministru.
Minbarra hekk se jkompli jinvesti fin-nefqa soċjali u jalloka r-riżorsi għall-investiment kapitali.
Intervjena wkoll is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali, Andy Ellul, li rringrazzja lill-imsieħba soċjali għall-proposti tagħhom għall-baġit.